MILL-PINNA LI MA KELLHIEX TINTREFA’

Frisk mill-aħħar ġabra ta’ stejjer tiegħu, ippubblikati fil-ktieb li diġa’ qajjem sensazzjoni u li jismu Stejjer li ma Kellhomx Jinitbu,  Immanuel Mifsud iħoss il-polz tad-dinja mħawda u mgerfxa li qegħdin ngħixu fiha llum. Gerald Fenech stasieh xi ftit mistoqsijiet pertinenti, antipatki kif ukoll forsi xi ftit diretti aktar mis-soltu.

Kif ħassejtek tiżviluppa bħala kittieb minn żmien 'Sue' għal 'Stejjer'?

Hemm differenza kbira bejn iż-żewġ kotba, anki jekk mhux kulħadd qiegħed jaraha. Fl-aħħar ktieb kont ħafna aktar konxju bit-teknika tar-rakkuntar milli kont f’’Sara Sue’. F’’Sara Sue’ kelli f’moħħi l-plott tal-istejjer, fi ‘Stejjer’ ix-xogħol kien aktar ikkonċentrat fuq il-kif milli fuq ix-xiex. Sfortunatament mhux kulħadd qed jintebaħ biha din id-differenza u allura għadek issib min jagħmel żball u jikkompara ‘Stejjer’ ma’ ‘Sara Sue’. Dawn huma żewġ kotba totalment differenti minn xulxin. Nifhem li trid għajn għarriexa biex tifhem sew id-differenza bejn iż-żewġ kotba, imma jien, u xi ftit oħrajn miegħi, konxju ħafna ta’ din id-differenza.



F''Kimika' kont diġà bdejt tiżviluppa stil qawwi li jittratta problemi soċjali bħal sess bla rażan, xorb u droga. kif ippefezzjonajtu fi 'Stejjer' speċjalment it-tema sesswali li kważi tirrikorri bħala leitmotif fl-istejjer kollha?

Jekk hemm ktieb li miegħu nistgħu nqabblu ‘Stejjer’ huwa ‘Kimika’, mhux ‘Sara Sue’, fosthom għar-raġunijiet li semmejt inti. Ma naħsibx li fil-ktieb hemm ‘sess bla rażan’ imma hemm diversi stejjer li jittrattaw ukoll ir-rapporti sesswali bejn il-karattri tiegħi. Tinsiex li dawn huma stejjer li ma kellhomx jinkitbu, appuntu għax huma stejjer li jidħlu fil-privat. Imma anki hawn jeħtieġ nagħmel punt żgħir. Da il-ktieb huwa ħarsa lejn il-kruha għax il-kruha hija seduċenti ħafna. Mhux jien biss inħobb inħares lejn il-kruha. Ħafna jħobbu; anzi kulħadd iħobb iħares lejn il-kruha. U b’ikrah qed nifhem dawk l-affarijiet li ma nistennewx li jintwerew fil-pubbliku; dawk l-affarijiet li b’xi mod joffendu dak li nqisuh normali; dawk l-affarijiet li jiddevjaw minn dak li l-kultura dominanti żżomm bħala n-normali, is-sewwa u x-xieraq. Imma, filwaqt li konxju tal-fatt li bħala bnedmin inħobbu nnemmsu ħafna, u li qegħdin ngħixu f’perjodu fejn il-linja bejn il-privat u l-pubbliku hija rqiqa ħafna, ma rridx li ‘Stejjer’ ikun sempliċiment eżerċizzju voyeurista. Ma rridx li l-istejjer ikunu biss okkażjoni ta’ gost għal min irid iħares lejn x’jiġri wara l-bibien magħluqin. Il-ktieb huwa aktar minn hekk. Nittama li l-ktieb jixħet dawl fuq l-istorja tagħna bħala nies li qegħdin ngħixu fl-2009. Il-kronaka miżgħuda bi stejjer bħal dawn li jqanqlu l-kurżità, jagħtu l-iskandli u daqshekk. B’dawn l-istejjer nittama li minbarra l-kurżità u forsi l-iskumdità jkun hemm ukoll il-mument ta’ riflessjoni. Kif għidt fid-daħla tal-ktieb, qed nitlob ħafna responsabbiltà mill-qarrejja. Nifhem li ‘Stejjer’ mhuwiex ktieb li permezz tiegħu tidħaq daħqa tajba u suq għax sebaħ.


Bħala bniedem li għaddejt minn dipressjoni taħseb li din għenitek tifhem aħjar

il-karattri li tikkrea?

Dak kien perjodu f’ħajti tassew kurjuż li xi kultant nerġa’ ntellgħu fil-memorja biex forsi jirnexxili nifhmu. Diffiċli, anki għaliex il-qafas psikoloġiku tiegħi llum huwa differenti ħafna minn ta’ dakinhar. Ma naħsibx li għenni nifhem il-karattri li nikkrea, iżda. Id-dipressjoni hija esperjenza kerha u ma nħossx li hija konduċenti għall-kreattività, anki jekk ħafna jsostnu l-kuntrarju. Iktar naħseb li hija l-qawwa tal-intwizzjoni li tgħin f’dan ir-rigward. Barra minn dan għaddejt minn ħafna esperjenzi li għallmuni ħafna affarijiet li s-soltu jinħbew. U kelli ħafna inkontri interessanti. Imbagħad, ovvjament, hemm il-qari: għodda sagrosanta għal kull kittieb.


Hemm element ta' awto-bijografijja fi Stejjer jew dawn huma rakkonti totalment fittizji?

L-awto-bijografija ilha ħafna tonqos. Immanuel Mifsud mhux qiegħed f’dawn l-istejjer. U kuntent ħafna b’dan għax hekk ix-xogħol huwa aktar diffiċli imma aktar interessanti.


Qed toffri xi soluzzjoni għall-problemi terribli li int irreferi għalihom fi 'Stejjer'?
Le. Dak mhuwiex kompitu tiegħi. Xogħli hu li nikteb dwar dawn is-suġġetti – li, irrid ngħid, ħafna minnhom ma nqishomx problemi. Jien nitkellem ħafna fuq stili ta’ ħajja li huma differenti imma mhux bilfors li huma problematiċi. Allaħares xiħadd jippretendi mingħandi li nsolvi l-problemi. Il-fatt li nippreżenta faċċati minn ħajjiet ta’ wħud diġà huwa biċċa xogħol kbira.


It-tema nostalġika hija ukoll itrattata fil
-ktieb bħalma huma temi oħrajn simili - id-dekadenza u d-disperazzjoni. Għalfejn tħoss li għandek tikteb daqshekk fuq dawn is-suġġetti?

Ikolli nistqarr li ma ħsibtx fuq in-nostalġija, anzi lanqas naraha fil-ktieb. Id-dekadenza u d-disperazzjoni  huma żewġ kwalitajiet li mdawrin ħafna bihom. Kważi nasal ngħidlek li lanqas nista’ ma niktibx fuqhom: qegħdin hemm, qegħdin hawn, qegħdin kullimkien.



Liema hija l-aktar storja li hadt gost tikteb jew li batejt l-aktar biex ktibtha?
Hemm stejjer li jkunu għal qalbek aktar minn oħrajn. Naħseb li ‘Efrem’ hija l-istorja l-aktar għal qalbi f’din il-ġabra. B’dan irrid infisser li batejt emozzjonalment biex ktibtha. Imma nħobbha. Ma ngħidx li hija perfetta, imma għandha ċerta affinità miegħi. ‘Efrem’ żammejtha għalija sakemm ħareġ il-ktieb. L-istejjer l-oħrajn jew kienu ppubblikati f’xi pubblikazzjonijiet oħrajn, jew tajthom lil xi ħbieb biex jaqrawhom. Imma ‘Efrem’ le Ftit qabel ma l-ktieb mar għall-istampa qrajtha lill-mara tiegħi
u tnikkitt ħafna. ‘Jien dort mad-dinja’ ukoll hija storja li temozzjonani ħafna, imma dik kienet ikkummissjonata miċ-Ċentru Spazjali Ewropew u fil-fatt kienet tradotta għall-Franċiż u għall-Ingliż u dehret fi Franza qabel ma dehret Malta. Il-fatt li kien xogħol ikkummissjonat (u allura kelli suġġett u żmien stipulat meta kelli nippreżentaha) ersaqt lejha b’mod ieħor. ‘Anne u Sylvia’ hija storja mnikkta ħafna; lugubrija kważi. Bi tmiem li jħalli xaqq ta’ tama. Kien hemm min ikkummenta dwar dan ix-xaqq ta’ tama għaliex mhuwiex xiħaġa tipika tiegħi.


X'hemm lest għalina mill-pinna ta' Immanuel?

Il-pubblikaturi tiegħi, il-Klabb Kotba Maltin, jieħdu ħafna paċenzja bija u fil-fatt għandhom ktieb ta’ taħniniet għat-trabi li huwa lest bl-illustrazzjonijiet b’kollox u ħiereġ għall-ħabta ta’ April. Din hija ġabra għal qalbi ħafna. Fiha hemm it-taħniniet (lullabies) li kont inkanta lit-tifel tiegħi meta kien għadu tarbija. Ma kelli ebda ħsieb niktibhom iżda fis-suq ma sibt ebda ġabra ta’ taħniniet bil-Malti u allura kelli nivvinta ftit jien. Imbagħad hemm xiħaġa oħra għat-tfal, imma miniex se nagħti informazzjoni dwarha għalissa.

 

It-TORĊA—15 ta’ Marzu 2009

 

 

LURA