STEJJER LI MA KELLHOMX JINKITBU

riċensjoni ta’ Mario Azzopardi

 

Fl-14 ta’ Novembru li għadda, fil-Half Gallery ta’ New York tqiegħdaet għall-wirja skultura ta’ Marco Perego bit-titlu The Only Good Rock Star is a Dead Rock Star. L-iskultura turi lill-kantanta kontrovesjali Amy Winehouse (25 sena, Addicted, Rehab, Tears dry up Alone, eċċ) mixħuta minn tulha f’għadira demm, b’toqba f’rasha, wara li sparalha fatalment il-poeta tal-beat, William S. Burroughs. Perego, li ffissa l-prezz tal-iskultura għal 100,000 dollaru, kien ikkwotat fuq l-internet: Rock Stars are the sacrificial animals of society.

 

Fl-aktar ktieb reċenti tiegħu, Stejjer Li Ma Kellhomx Jinkitbu, Immanuel Mifsud, l-aktar awtur ikkwotat tan-Next Generation f’Malta, juża l-mudell ta’ Amy Winehouse, artista provokattiva u disturbata fit-titlu ta’ rakkont li jiddeskrivi t-telfa notturna ta’ Sabrina Saliba f’orġja sesswali li matulha jsir minn kollox, inkluż swat għall-gost, sess multiplu u esperimenti oħra eterosesswali u omosesswali.

 

Fi storja oħra, Mifsud jirreferi fit-titlu u fit-test għal żewġ poeti nisa, Anne Sexton u Sylvia Plath, mill-qatgħa tal-konfessjonalisti Amerikani tas-Snin Sittim u li t-tnejn ikkommettew suwiċidju. Mifsud jużahom bħala referenza biex jibni l-ġrajja ta’ koppja f’Malta li miħabba s-solitudni tagħhom, jiltaqgħu f’chat-room fuq l-internet u jiftiehmu li jikkommettu suwiċidju flimkien.

 

Dawn huma wħud mill-persunaġġi li Mifsud jinvolvi fl-istejjer tiegħu, stejjer li jammetti li skomodaw lilu wkoll. L-awtur jgħarraf lill-qarrejja tiegħu, f’nota qasira bħala introduzzjoni, li jxtieq li xi darba jikteb ktieb sħiħ ta’ stejjer li jagħtuh gost, iżda meta jħares madwaru, meta jifli l-kronaka, ma jarax stejjer li jnisslu ferħ. L-awtur javża wkoll li ma jridx jipprovoka, li jdejjaq jew li joffendi s-sentimenti tal-qarrejja, imma jekk dawn l-istejjer tiegħu ma jinqrawx, se jidhru żgur f’xi gazzetta jew f’xi portal elettroniku.

 

U għalhekk Mifsud jaqtagħha li m’għandux għalfejn jagħmel xi apoloġija.

 

L-istil ta’ Mifsud

L-istil ta’ Mifsud hu intriganti daqs il-kontenut. M’huwiex stil kodfikat faċilment. Għandu l-kuraġġ jikser ir-regoli tan-narrazzjoni, tar-ritmi u l-pawsi tagħha. L-istil tiegħu jaf ikun filmiku, editjat b’ħeffa jew imħadem għall-esplorazzjoni tal-effetti tal-fast forward u r-rewind. Ċertament, l-aktar li tolqtok fil-biċċa l-kbira ta’ dawk l-istejjer hi dik li Umberto Eco jsejiħila sprezzata disinvoltura, jew l-awdaċja tal-vjolazzjoni tan-normi stilistiċi biex tinħoloq tessitura differenti.

 

Iżda mbagħad hemm kodiċi li Mifsud joħloq għalih innifsu u li tinvolvi, fost l-oħrajn, ripetizzjoni ossessiva biex ikunu martellati l-kunċett u l-atmosfera (eż, “Il-Ħabiba Tiegħi Petina”, “Erbat Ijiem”, “Il-Ħadd”). Fi bċejjeċ bħal “Il-Ħadd”, it-tonalità għandha wkoll xeħta poetika li tissuġġerixxi armonija stramba.

 

Fl-istil ta’ Mifsud hemm sensittività u intelliġenza minsuġin jew integrati intimament mas-sitwazzjoni espressa, inkluż meta jersaq lejn bixriet poetiċi, li qatt m’huma mbegħdin wisq.

 

Kien hemm kritiċi bħal S.H. Burton (1986) li ssuġġerew li l-mekkaniżmi poetiċi fil-proża jippreżentaw intrużjoni perikoluża; bħar-ruħ li tidher f’Hamlet javża Burton, dawn il-mekkaniżmi huma stravaganti u jistgħu jiżvijawk. Iżda kif użati minn Mifsud, dawn l-estravaganzi jikkorrispondu mat-test dominanti. Ir-rikorrenza tagħhom toħloq segmenti interesanti, mewġiet melodiċi (anki jekk patetiċi jew melankoniċi) ta’ sens u emozzjoni.

 

Is-sens ta’ Mifsud

Is-sens fil-kitba ta’ Immanuel Mifsud (jiġifieri r-relazzjoni bejn sentenza u oħra, bejn paragrafu u ieħor) kważi dejjem iwassal għall-attenzjoni sostenuta. Madankollu, il-qarrej normali jista’ jintilef jew jikkonfondi quddiem ċerti mekkaniżmi.

 

Is-sinjali verbali fl-istejjer joffru ton jew attitudni konsistenti, l-aktar fejn tidħol l-istruttura tas-sentenza u l-għażla tar-reġistru repetittiv apposta. U ma tistax tibqa’ indifferenti quddiem it-tonalità li joħloq Mifsud.

 

L-intenzjoni tal-istejjer hi dejjem marbuta mar-rakkuntar tat-tiġrib immedjat, sew meta l-awtur iwessa’ l-għalqa tar-referenzi (“Jien Dort id-Dinja”) kif ukoll meta jidħol fi rqaqat partikolari marbutin mal-ambjent limitat Malti (“Ħars”, “Efrem”).

 

Ritmi eżistenzjali

Terġa’ u tgħid, l-istil partikolari ta’ Mifsud irid ikun mistħarreġ fl-inkwadratura tat-teoriji organiċi tal-arti, fis-sens li l-istil jixhed il-kwalità oriġinali, anki biżarra tal-awtur jew l-artist, Mifsud jimxi f’din il-mogħdija singulari hu u jirrakkonta dawn l-istejjer ‘li messhom qatt ma nkitbu’. F’dan is-sens ukoll, l-istil ta’ Mifsud għandu l-istess ritmi eżistenzjali talkarattri emarġinati, solitarji jew kronikament vulnerabbli tiegħu.

 

Ta’ min jinnota li b’mod konsistenti, Mifsud juża l-preżent biex jinseġ l-istejjer, normalment irrakkontati mill-protagonisti nfsuhom. Anki b’dan il-mod, l-awtur juża l-istil biex joħloq il-forma attwali.

 

Ġeneralment l-istil u l-forma huma aċċessibbli, mingħajr il-bżonn ta’ xi sforz mill-qarrejja. Iżda mbagħad hemm rakkonti struttularment aktar kumplessi, bħal “Jien Dort id-Dinja”, storja ikkummissjonata miċ-Ċentru Nazzjonali tal-Istudji Spazjali flimien ma’ Lettres Europeennes, fl-okkażjoni tal-Presidenza Franċiża tal-Unjoni Ewropea (2008). Dan hu rakkont ta’ raġel rikoverat fi sptar mentali li ‘janalizza l-ispazju’ u jikkkonkludi l-ineżistenza ta’ Alla: Il-wieħed u z-zero. Il-wieħed ma jeżistix. Il-wieħed u zero ... issa jaf li Alla kien biss invenzjoni.

 

Rakkonti bħal “Demm”, imbagħad, hu mgħaddas fil-kult Kristjan: il-qrar, it-talb, l-ittri ta’ San Pawl, il-Bibbja, is-Sitt Kmandament, is-Santi, l-Att tal-Indiema, id-demm, il-ħobż, l-inbid, it-tqarbin, l-Ispirtu s-Santu, u fuq kollox l-ikonografija b’Ġesù Msallab huma s-simboli li jitħalltu ma’ suġġestjoni erotika fil-ġrajja t’a tfajla verġni, imsieħba f’Għaqda reliġjuża, li tiskopri s-sesswalità tagħha ma’ raġel imġarrab. F’dan ir-rakkont l-erotiżmu hu saħansitra estiż sal-ġisem għarwien ta’ Kristu fuq is-salib.

 

It-teknika ta’ Mifsud hi dejjem interessanti, anki meta jagħlaq l-istejjer b’mod lakoniku jew addirittura jħalli l-għeluq miftuħ għal diversi interpretazzjonijiet. f’”Erbat Ijiem” Mifsud jeditja xeni introdotti bil-ħeffa, jerġa’ juża repetizzjoni ossessiva u jiżvolġi l-istorja b’mod opak. Bħal diversi stejjer oħra, hemm l-iffukar fuq l-attività sesswali klandestina, u f’”Il-Mara ta’ Teo de Jong”, l-imħabba u ċ-ċiniżmu jindirsu flimkien, bis-sess ippreżentat bħala komodità jew terapija momentarja jew każwali.

 

Infatt, is-sesswalità ta’ spiss perversa jew ‘illeġittima’ ta’ spiss tinforma lil din l-antoloġija ta’ stejjer tal-periferija. Iżda anki fl-eqqel manifestazzjoni tagħha, din is-sesswalità qatt m’hi mraġġsa jew vulgarizzata, iżda hi ttrattata b’ċerta elokwenza u anki, ikolli ngħid, b’ċerta sofferenza. Il-qari ta’ dawn l-istejjer jista’ jfakkrek f’dak li kien qal George Orwell: Writing a book is a horrible, exhausting struggle, like a long bout of some painful illness. One would never undertake such a thing if one were not driven on by some demon whom one can neither resist nor understand.

 

 minn IN-NAZZJON, 30-12-2008