|
IMMANUEL MIFSUD—GĦEX ĦAJJA TTORTURATA B’SUSPETT Kittieba ta’ Żmienna, minn Charles B Spiteri |
|
Immanuel Mifsud twieled fil-famuż Sajf ta’ l-Imħabba, eżattament fit-12 ta’ Settembru 1967; iż-żgħir minn familja ta’ tmint itfal. Meta twieled, missieru, Ġużeppi, kellu 47 sena u ommu, Ċensina nee Delezio, 44. Ġużeppi (1920-2007) kien Belti li minħabba li tilef lil missieru ta’ età żgħira ħafna kellu joħroġ jaħdem għall-familja meta kien għadu prattikament tifel. Huwa kien jirrakkonta li sforz il-faqar kien joħroġ fit-triq liebes żarbuna waħda biex jerfa’ l-oħra għal quddiem. Ċensina (1923-2000) kienet Bormliża u ltaqgħet ma’ Ġużeppi fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, iżżewġu fi Frar 1942 u kellhom jagħmlu r-riċeviment tat-tieġ f’xelter f’Ħal Qormi fejn kienu refuġjati. L-ewwel iben li kellhom twieled ukoll fi żmien il-Gwerra. Il-Gwerra kienet waħda mill-avvenimenti li l-aktar ħallew impronta fuq Immanuel mingħajr ma missitu direttament. Kemm ommu kif ukoll missieru baqgħu jirrakkontaw l-istejjer tat-tbatija, tal-biża’ u l-aktar tal-ġuħ. Terġa’, missieru, li kien suldat fuq il-kanuni anti-aircraft, spiċċa ħandikappat għal għomru wara inċident li kellu fil-gwerra. Minkejja n-numru kbir ta’ aħwa li kellu, Immanuel Mifsud trabba kważi waħdu għall-fatt li kien hemm differenza kbira bejnu u bejn ħutu. Fattur li kellu effett kbir ħafna fuqu kien li l-ġenituri tiegħu kienu kbar biżżejjed biex ikunu nannietu, tant li l-ikbar neputi tiegħu, fil-fatt, huwa ikbar minnu. Fi tfulitu kien ittorturat bis-suspett li dawn ma kinux verament il-ġenituri tiegħu, u meta darba fettillu jesprimi dan ’l ommu din bdiet tibki u hemm tnissel fit-tifel sens kbir ħafna ta’ ħtija. Minn età żgħira beda jaħseb fuq il-mewt tal-ġenituri tiegħu u spiss kien joħlom li qiegħed f’kamra li fiha moribond fuq sodda. Ma’ ommu Ċensina, Mifsud kellu rabta qawwija ħafna li baqgħet intensa sa ma din mietet f’lejlet il-Milied 2000. Ir-relazzjoni ma’ missieru kienet delikatissima minħabba li l-karattri tagħhom kienu differenti ħafna. Il-missier trabba fil-ġuħ u fit-triqat tal-Belt u r-Raħal Ġdid mnejn kiseb l-għarfien tiegħu tal-ħajja; kien ukoll Veteran tal-Gwerra u allura kellu karattru assertiv u attitudni ħafna drabi macho. Immanuel kien jiġbed lejn ommu, li kienet mara sempliċi ħafna, ta’ ftit kliem, mistħija, konxja tagħha nfisha u sensittiva ħafna. L-ideat ta’ erojiżmu, saħħa, aggressività u kwalitajiet oħrajn li ffurmaw il-machismo tal-missier qatt ma nibtu fit-tifel u għal ħafna snin Mifsud kien konvint li huwa kien ta’ diżappunt kbir għal missieru minħabba li l-interessi tradizzjonalment ‘maskili’ li l-missier ipprova jgħaddilu irreżistiehom u ċaħadhom, l-istess kif irreżista u ħafna drabi sfida l-awtorità patrijarkali ta’ missieru. Madankollu, biż-żmien, Immanuel żviluppa sens ta’ ammirazzjoni lejn missieru, u llum il-ġurnata għadek tista’ tara l-midalji li Ġużeppi ngħata fi żmien il-Gwerra, imdendlin bi prominenza fis-salott ta’ l-appartament fejn jgħix.
Manuel, kif inhu magħruf ma’ ħutu u ħbiebu, għex f’familja Kattolika u konservattiva ħafna u tfulitu kienet iddur madwar il-Knisja: il-kor, l-abbatini, is-sala parrokkjali, il-festa, id-dramm tal-passjoni. Kien fil-knisja li Mifsud kellu l-ewwel kuntatt mat-teatru. Jiftakru jmur is-sala tal-kappillan ma’ ħuh għall-provi ta’ xi farsa fejn kien jaffaxxina ruħu mhux b’dak li kien jiġri fuq il-palk, daqskemm b’dak li kien jiġri wara l-kwinti: il-kostumi, il-mirja bil-bozoz għall-irtokk, il-props, ix-xenarji, fuq kollox l-atturi jbiddlu u jinbidlu f’karattri ġodda. Forsi kien għalhekk li aktar milli ġibda għar-reċtar, minn età żgħira Mifsud żviluppa ġibda għar-reġija.
L-ewwel ambizzjoni tiegħu kienet li jsir kunduttur. Kull meta kien imur xi mkien b’tal-linja ma’ ommu kien iwaħħal ħarstu fuq il-kunduttur u ma jaqlagħhomx minn fuqu. Kien jammira lill-kunduttur li dejjem għaddej fuq vjaġġ wieħed wara l-ieħor u meta kien jarah nofsu mdendel ’il barra mit-taraġ tax-xarabank kien jara fih mhux biss il-vjaġġatur imma wkoll l-eroj li jisfida r-riħ. Jista’ jkun li mill-kunduttur tal-linja, Mifsud żviluppa l-ġibda tiegħu għall-ivjaġġar, kif ukoll l-interess kważi ossessiv fir-riħ.
L-istess bħalma dejjem kien waħdu minkejja li kellu ħafna ħutu, ir-relazzjoni tiegħu mal-ħbieb kienet partikolari wkoll. F’ħafna sitwazzjonijiet kien ikun iċ-ċentru tal-grupp, imma fl-istess waqt kien jinqata’ għalih waħdu u kien jispiċċa biex waqt il-logħob jiddeċidi fid-daqqa u l-ħin li jitlaq lil kulħadd u jisparixxi biex imur ikompli jilgħab waħdu. Għalih kien isbaħ li jilgħab il-ballun fuq il-bejt se jaqa’ l-aħħar fid-dar żgħira li kien joqgħod fiha fi Triq San Ġużepp ir-Raħal Ġdid (illum garaxx), milli jilgħab mat-tfal fit-triq jew Wied Blandun jew il-Pjazza.
Bħat-tfal l-oħra ta’ mparu, beda jmur il-Mużew, fejn kellu esperjenzi koroh ħafna. Manuel jiftakar li ħafna mil-lezzjonijiet tal-Mużew kienu jitrattaw il-mewt, il-biża’ li tmut fid-dnub; jiftakar ukoll il-kurċifissi kbar u tal-waħx u l-famużi inkwatri tal-Mewta t-Tajba u l-Mewta l-Ħażina, u tat-Tentazzjoni tax-Xitan li kienu jqanqlu fih biża’ u malinkonija kbar. Minn età żgħira ħafna huwa żiluppa preokkupazzjoni kbira bil-mewt u kien jimpressjona ruħu ħafna bil-katavri fil-kmamar mortwarji u bil-qrabat jibku waqt il-funerali li kien ikollu jmur bħala abbati.
L-emigrazzjoni ta’ tlieta minn ħutu ħalliet marki skuri wkoll fuq il-karattru ta’ Manuel. Jiftakar b’mod partikolari l-ewwel każ: il-biki u x-xegħir ta’ ommu, in-nies id-dar jippruvaw isabbruha, ir-ritratti mad-dar kollha, it-telefonati rari lejn l-Awstralja interrotti kontinwament bl-ilfiq, u s-srievet bil-kangarù u l-koala li kienu jaslu Malta regolarment.
Minkejja li missieru kien jixtrilu ktieb kull nhar ta’ Ħadd mill-monti tal-Belt, u minkejja li ta’ tmien snin kien beda jmur kull nhar ta’ Sibt il-librerija ta’ Beltissebħ (x’aktarx immotivat l-aktar mill-vjaġġ b’tal-linja), Mifsud qatt ma qabad ktieb ħlief biex jara l-istampi. Il-qari ma kienx iħobbu. Madankollu kien tifel promettenti ħafna fl-iskola u għall-ġenituri tiegħu, li kienu kważi-illitterati, dan kien ta’ sodisfazzjon kbir. Mifsud qatt ma ħabb l-istudju, speċjalment fis-sekondarja fejn jiftakru jikkopja l-homeworks minn fuq sħabu u saħansitra jħabbel moħħu kif se jikkopja fl-eżamijiet minflok jistudja. Kull suġġett li kien jinvolvi n-numri kien ifalli fih b’mod diżastruż.
L-imħabba kbira għall-qari feġġet bħal sajjetta f’nofs il-bnazzi meta daħal fil-Liċeo l-Ġdid l-Imsida fl-1983. Hemmhekk seħħet xiħaġa li bidlitu minn lejl għal nhar u f’daqqa waħda beda jqatta’ l-iljieli jaqra biex jirkupra dak li kien tilef. L-ewwel ktieb li qara minn qoxra sa qoxra kien L-Interpretazzjoni tal-Ħolm ta’ Freud. Fl-istess żmien beda jaqra lil Joyce u ntilef wara l-proża ta’ Böll, id-drammi ta’ Ibsen, u l-poeżija ta’ Silvia Plath u Anne Sexton. Kien f’dan iż-żmien ukoll li beda jaqra ħafna kotba ta’ l-istorja u politiċi li ttrattaw l-Olokawstu u l-Ewropa tal-Lvant. Dawn iż-żewġ interessi wassluh biex għamel ħafna vjaġġi lejn l-Ewropa ex-Komunista kif ukoll diversi żjarat lejn siti marbutin mat-terrur Nazista, żjarat li huwa jqishom bħala pellegrinaġġi reliġjużi bħala penitenza għall-mibegħda umana fuq il-bnedmin meqjusa subordinati. L-interess fl-Ewropa ex-Komunista, partikolarment fil-Polonja, mhux biss wasslu biex jemmen li l-isbaħ arti twieldet f’dawk l-inħawi, iżda wkoll biex jiltaqa’ mal-mara attwali tiegħu li hija Slovakka u li kellha qrabat li batew il-kamp tal-konċentrament u sussegwentement l-inġustizzji Stalinisti fil-bidu taċ-Ċekoslovakkja Komunista. Minbarra l-ġibda lejn l-inħawi tal-Lvant ta’ l-Ewropa, Manuel żviluppa mħabba kbira għall-poplu Rom, u darbtejn għamel volontarjat ma’ komunità Rom fin-nofsinhar ta’ l-Italja.
Kien fil-Liceo l-Ġdid li Mifsud beda jikteb, l-ewwel il-poeżiji u mbagħad id-drammi. L-ewwel dramm li kiteb ma kellux fejn jaħdmu u allura, flimkien ma’ żewġt iħbieb tiegħu li aċċettaw li jirreċtaw, kien imur għall-provi qalb in-namrati fil-ġnien ta’ Hastings u d-dramm inħadem fuq tapit kbir li kellhom iġorruh minn San Ġiljan sa Għar id-Dud. Ħadd ma fehem xejn minn dak li nħadem, lanqas l-atturi. Beda jikteb u jidderiġi anki ma’ Ateatru. Imbagħad idderieġa drammi ta’ Garcia Lorca, Dario Fo, Edward Bond, Max Frisch, u Harold Pinter. Ix-xogħol fit-teatru wasslu biex iwaqqaf il-grupp Teatru ta’ l-Għomja u aktar tard Teatru Marta Kwitt, l-ewwel grupp Malti li kien mistieden jaħdem fil-festival ta’ Edinburgh u li kien vjaġġa wkoll lejn Sarajevo bix-xogħol Bakki, l-ewwel biċċa xogħol artistika f’Malta li ttrattat ir-raves u d-droga Ecstasy.
Fl-1991 ħareġ l-ewwel ġabra ta’ novelli, Stejjer ta’ Nies Koroh u sentejn wara Il-Ktieb tas-Sibt Filgħaxija. Dawn iż-żewġ kotba kellhom l-ewwel kummenti fuq il-vjolenza politika f’Malta tas-snin tmenin. Il-ħruq ta’ każini, l-avvenimenti f’Tal-Barrani, il-qtil fil-Gudja u x-xeni ta’ nies jiġru mdardra u mitlufa bil-gass tad-dmugħ sparat mill-forzi ta’ l-ordni ħallew effett kbir fuq Mifsud u l-kitba bikrija tiegħu, l-istess bħalma ħalla l-isfruttament taċ-ċittadin komuni mill-politikanti. Fl-1999 ħareġ Il-Ktieb tal-Maħbubin Midruba u fl-2002 L-Istejjer Strambi ta’ Sara Sue Sammut, x’aktarx l-aktar ktieb magħruf ta’ Immanuel Mifsud. Din il-ġabra ta’ novelli rebħet il-Premju Nazzjonali u ġiet innominata għall-Premio Strega Europa. Fl-2005 ħareġ il-ktieb Kimika li ħoloq ċerta kontroversja u saħansitra ġie ċċensurat mit-Times li kienu l-pubblikaturi oriġinali. L-istess ktieb ġie ġġudikat bħala “pornografiku” minn korrispondent letterarju ta’ L-Orizzont u ħa t-tieni post fil-Premju Letterarju ta’ l-2005. Immanuel Mifsud ħareġ ukoll ġabra ta’ stejjer għat-tfal, Stejjer li Kibru fl-Art (2004) u fl-2008 se toħroġ ġabra ta’ taħniniet għat-trabi. Huwa ħareġ ukoll ħames kotba ta’ poeżija, fosthom Confidential Reports maqlub għall-Ingliż minn Adrian Grima u Maurice Riordan u ppubblikat minn Southword Editions, f’Cork l-Irlanda. Xogħlijiet oħrajn ta’ Mifsud dehru tradotti f’pubblikazzjonijiet Ewropej diversi, fosthom f’kotba ta’ l-Unjoni Ewropea, Franċiżi, Taljani, Ġermaniżi, Sloveni, Slovakki, Ukreni u oħrajn.
Mifsud kien mistieden għal diversi kungressi u festivals letterarji. Fost l-aktar prestiġjużi wieħed isemmi l-Festival tal-Poeżija Mediterranja f’Palma de Mallorca (2003), il-Festival ta’ l-Inbid u l-Poeżija f’Medana (2004), u l-Festival ta’ Terceti Trnovski, f’Ljubljana (2008). Bejn Novembru u Diċembru 2007 huwa kien mistieden jagħmel tour letterarju fil-Polonja, fejn qara x-xogħlijiet tiegħu, l-aktar poeżiji mill-ġabra Poland Pictures (2007) fil-bliet ta’ Varsavja, Lublin, Lodz, u Kazimierz Dolny. Matul dan it-tour huwa ta żewġ taħdidiet dwar il-kittieb u l-iskandlu fl-Università ta’ Varsavja.
Fost il-kitbiet li ġew imxandra fl-Ewropa hemm uħud li ġew ikkummissjonati minn entitajiet differenti. Ir-rakkont “Laqgħa ma’ Mara Morbi” kien ikkummissjonat mill-PEN Taljan għal pubblikazzjoni speċjali – Racconti Senza Dogana – biex tiġi mmarkata l-presidenza Ewropea ta’ l-Italja fl-2003, l-istess bħalma r-rakkont “Jien Dort mad-Dinja” ġie kkummissjonat mil-Lettres Européenes (Pariġi), rakkont li se jinqara f’Ottubru ta’ l-2008 fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Kitbiet oħrajn ġew ippubblikati f’ġurnali prestiġjużi bħal Irish Pages (Eire) u Nova Revija (is-Slovenja). |