MALTA  



DIBATTITI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI  



(Rapport Uffiċjali u Rivedut)  



IL-ĦDAX-IL PARLAMENT  



Seduta Nru. 30  



It-Tlieta, 8 ta’ Lulju, 2008  



Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan  

Kamra tad-Deputati  

MALTA   





Il-Kamra tad-Deputati ltaqgħet fil-Kamra tal-Parlament,  

il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.01 p.m.  



Aġġornament






ONOR. EVARIST BARTOLO: Sur President, dan l-aħħar attendejt għal attività organizzata mill-Koperattiva Kummerċ Ġust fil-
Barrakka ta' Fuq. Nista’ ngħid li kienet attività tajba u kienet attività li turina kemm għandna għaqdiet mhux governattivi tajbin
ħafna f'pajjiżna. Din hija waħda mill-ftit għaqdiet li għandha aspetti ta' żvilupp internazzjonali għax minn barra li qed jaħdmu ħafna
sabiex idaħħlu l-kunċett ta' kummerċ ġust fostna, qegħdin ukoll jixtru prodotti minn diversi kontinenti fid-dinja, ibigħuhom
hawnhekk u jiżguraw li min jagħmel dak il-prodott ikun qiegħed jitħallas b'mod ġust.  



Nafu li hemm ħafna każijiet fejn fil-kummerċ li jsir, anke dak li ngawdu minnu aħna bħal meta nixtru ħwejjeġ u prodotti maħduma f’
pajjiżi barranin, ħafna drabi l-prodotti jinħadmu f'kundizzjonijiet tal-waħx. Il-ġimgħa li għaddiet fl-Asja ħareġ rapport li fih jingħad li
ħwejjeġ, bħal qomos, li fl-Ingilterra jinbigħu b'żewġ sterlini, jiġu maħduma minn nisa li jaħdmu 66 siegħa fil-ġimgħa. U żgur li dak m’
huwiex eżempju ta’ kummerċ ġust. Imma din il-koperattiva f'pajjiżna qiegħda tagħmel sforz sabiex iddaħħal dan il-kunċett.
Għalhekk jiena nixtieq nagħtihom il-prosit tiegħi.  



Li għoġobni ħafna din id-darba wkoll huwa l-mod ta’ kif rabtu l-idea tal-kummerċ ġust mat-tibdil fil-klima. Forsi kien hemm min
beda jistaqsi x'għandha x'taqsam ħaġa ma' oħra. Rabtuh ukoll mat-tibdil kbir li t-tibdil fil-klima qed iġib u li se jġib fis-snin li ġejjin
anke fiċ-ċaqliq tan-nies. Fil-fatt diġà hemm min qiegħed jiġi mhedded. Per eżempju, jekk wieħed jieħu l-gżira ta' Kiribati fil-Paċifiku
jsib li diġà hemm min qed ikollu jitlaq minnha minħabba li l-ilma baħar qiegħed jogħla u qed jgħarraq inħawi sħaħ ta’ din il-gżira. B’
hekk in-nies mhux qed ikollhom fejn joqogħdu. Dawn qed jitolbu li jmorru jgħixu fl-Awstralja għax il-gżira se tispiċċa tegħreq
minħabba l-effett tat-tibdil fil-klima.



It-tibdil fil-klima se joħloq tibdil ukoll fil-mard u fl-insetti li qabel kienu jeżistu f’ċerti pajjiżi tas-sħana. Anki l-persuni qed ikollhom
jiċċaqilqu. Miljuni ta' persuni se jiċċaqilqu u dan se jkompli jżid il-problema taċ-ċaqliq tan-nies fid-dinja tal-lum. Laqtitni ħafna
poeżija li nqrat għal din l-okkażjoni miktuba mill-kittieb bravu Malti Immanuel Mifsud. Din għandha x’taqsam ma’ kif aħna, fil-ħajja
tagħna, kollha nistgħu nikkontribwixxu għal dan it-taħsir u t-tibdil fil-klima. Il-poeżija tgħid hekk:  



"Aqta fjura u ibni kamra, aqla' siġra u tella' dar,

Imxi metru u ibni villa, tinkwetax dak li sar sar.



Mur pass ieħor u ibni torri, itla' fl-għoli miss is-sħab,

Tinkwetax jekk sħaqt l-għelieqi, kulma ħlejt kien naqra trab.



Dur mal-kosta fittex rokna, arma boathouse fuq il-blat,

Anke l-baħar agħmel tiegħek u ħallik mill-pixxispad.







Tagħtix kas li l-baħar tiela', itla' fl-għoli anke int,

Bnejt it-torri itla' fuqu, ibda gawdi dak li ħdimt.



Issa isma' x'qed jgħidulek, ħdejn il-baħar tmurx fit-tul,

Hemm ftit metri ħdejn il-villa, li kont minnek nibni pool.



U jaqbillek tinsa l-baħar għax mid-dehra tah tal-qamar,

Tmurx fix-xemx u tmurx fid-dlam għax timtela' tilja bram.



Aqta' fjura u ibni kamra, jien nifhem agħtini widen,

Meta mbagħad tkun lest minn kollox, ħu nifs qawwi u mur indifen.”



Sur President, naħseb li dawn huma versi qawwijin ħafna. Hawnhekk il-kittieb qiegħed juri r-responsabilitajiet personali li għandna
aħna fit-tibdil tal-klima u x'għandna nagħmlu personalment fuq din il-kwestjoni. Dan għaliex aħna noqogħdu ngħidu x'messu
jagħmel il-gvern, x'messu jagħmel dak u x’messu jagħmel l-ieħor u ma narawx x’nistgħu nagħmlu aħna. Noqogħdu ngħidu
x'messha tagħmel l-Istati Uniti u noqogħdu ngħidu li messna ndaħħlu l-Indja u ċ-Ċina fil-Kyoto Agreement. Imma mbagħad l-inqas
ħaġa li nagħtu kas hija proprju dak li nistgħu nagħmlu aħna personalment. Fl-opinjoni tiegħi għandna bżonn ta’ ħafna tibdil, mhux
biss fil-klima imma anke fl-attitudni u fl-imġiba tagħna.






LURA