RIĦ MIN-NOFSINHAR—L-awturi dwar it-tibdil fil-klima

Immanuel Mifsud intervistat minn Mario Azzopardi

 

Fl-2007 ħareġ rapport importanti dwar it-tibdil fil-klima minn grupp inter-governattiv. Hu ċar li t-tibdil fil-klima qiegħed jaffettwa ħafna deċiżjonijiet politiċi. Iżda dan hu argument li qed inissel interess anki fl-awturi madwar id-dinja, u f’dan il-kuntest, in-Neue Zurcher Zeitung fl-Iżvizzera ħareġ stedina lill-kittieba internazzjonali biex jagħtu l-perspettiva tagħhom. Kienu mistiedna awturi minn kullimkien, miz-zona tal-Alpi sal-Indja, mill-pajjiżi ċatti bħall-Olanda, sal-kontinent Afrikan.

 

L-istil li bih qed jitrattaw l-argument l-awturi internazzjonali jvarja minn kitba sobrija sa parodija.

 

Anki f’Malta, il-problema dwar it-tisħin globali interessat lil diversi awturi. Aktar kmieni din is-sena, Immanuel Mifsud u Adrian Grima, żewġ kittieba tan-’Next Generation’ — biex nuża t-terminu li uża dan l-aħħar il-kritiku Charles Briffa meta rrefera għall-awturi l-ġodda—ikkuraw antoloġija qasira, Riħ Min-Nofsinhar, fejn huma stess, flimkien ma’ kittieba oħrajn Maltin, u anki ġurnalisti u ħaddiema mill-Volontarjat, Maltin u barranin, jitnebbħu mit-tibdil filklima. L-ewwel edizzjoni modesta tal-ktieb dehret f’Ġunju 2008. Iżda issa ħarġet it-tieni edizzjoni bil-għajnuna tal-proġett Playing Fair Alternatives, ikkofinanzjata mill-Unjoni Ewropea.

 

Din ir-rubrika intervistat liż-żewġ awturi lokali. Illum qed inwassal l-intervista ma’ Immanuel Mifsud.

 

MARIO AZZOPARDI: X’inhi r-realtà dwar kif it-tibdil fil-klima qed jaffettwa lill-awturi lokali?

 

IMMANUEL MIFSUD: Il-kuxjenza ambjentali ma naħsibx li hija tema ewlenija tal-kittieba f’Malta. Naħseb li huwa importanti nippreċiżaw li l-ambjentaliżmu u l-imħabba għan-natura m’humiex l-istess ħaġa. L-ambjentaliżmu huwa mmotivat l-ewwel nett mill-imħabba għan-natura. Iżda l-motivazzjoni hija wkoll politika; ix-xejra tad-diskors ambjentalista bilfors li tkun politika. Irrid ngħid li kitba Romantika dwar in-natura u l-ġmiel tagħha ma nqishiex kitba ambjentalista meta hija nieqsa mill-għarfien politiku tas-suġġett. Jidhirli li l-letteratura b’konċentrazzjoni ambjentalista bdiet tinkiteb fit-tieni perjodu tal-moderniżmu Malti: Victor Fenech, partkolarment fl-aħħar żewġ antoloġiji tiegħu; Daniel Massa, anki jekk ħafna drabi x-xejra tiegħu hija Romantika; u Mario Azzopardi, ukoll fl-aħar ġabriet tiegħu (ngħidu aħna fil-ġabra li hemm fis-sit elettroniku tiegħu). M’għandniex xi ngħidu, dan ma jeskludix xogħlijiet singulari oħrajn. Inkwantu għall-kittieba ta’ wara, naħseb li l-ambjent huwa kuxjenza preżenti ħafna, għalkemm ma nsħibx li hija t-tema politika li tingħata l-ewwel prijorità.

 

MA: Il-ktieb li ħriġtu hu ddedikat lil ‘dawk min-nofsinhar li qed jaħarbu minn klima dejjem aktar ostili’. Min huma sewwa sew dawn it-talin, u għaliex qed tgħidu li ‘qed jaħarbu’?

 

IM: Jien inħoss—għallinqas għalija d-dedika tfisser hekk—li qegħdin nużaw sens doppju tal-kelma klima. Hemm is-sens letterali: folol kbar ta’ nies li l-fenomeni l-’ġodda’ tan-natura qegħdin jikkostrinġuhom jagħmlu s-sorra u jitilqu. Hemm ukoll il-klima f’sens figurattiv: is-sitwazzjoni politika, soċjali, li wkoll qeigħda ġġegħelhom jimxu ‘l fuq. In-nies tan-nofsinhar huma l-Afrikani li qegħdin jemigraw, ifittxu rifuġju fil-battalja tagħhm kontra l-ġuħ, kontra l-għatx, kontra l-mewt, bażikament. Aħna u nħejju dan il-ktieb, iltqajna ma’ Seim Gabir, Eritrean li sab ruħu Malta, u tkellem magħna dwar il-proċess tad-deżertifikazzjoni ta’ rħula sħaħ f’art twelidu. Hemm numru kbir ta’ nies fir-reġjun tas-Saħel—jiġifieri ċ-ċinta taħt il-bordura tas-Saħara—li kellhom jispustaw irwieħhom minħabba li l-klima saret imossibbli għalihom. Hemm popli oħrajn li l-klima—dik letterali—qiegħda ġġegħelhom iħallu pajjiżhom. Minkejja li l-emigrazzjoni minħabba l-klima (it-terminu tekniku huwa ‘Climate Migration’ jew ‘Climate-Induced Migration’) hija fenomenu mhux daqstant rari, ma jidhirx li hemm wisq kuxjenza dwaru. Ngħidu aħna, nies li jispustaw irwieħhom minħabba l-klima għad m’humiex jiġu rikonoxxuti bħala refuġjati. L-artiklu 1 A tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ma jkoprix l-emigrazzjoni minħabba l-klima għall-finijiet ta’ rifuġju. Hemm punt ieħor: il-bidla fil-klima l-aktar li qeigħda taffettwa huma lil dawk il-popli li diġà huma vulnerabbli ħafna. Dan il-kalvarju l-ġdid m’huwiex  jaffettwa lil kulħadd l-istess jew indaqs. Il-popli li diġà huma tturunfati bi problem soċjali, ekonomiċi u politiċi, x’aktarx li huma dawk li l-aktar qegħdin iħossu l-impatt. Hu stmat li sal-2050 il-klima se taqla’ minn posthom 200,000,000 migrant—li jfissru bniedem minn kull 45 ruħ.

 

MA: Huwa ċar li t-tibdil fil-klima qed jaffettwa d-deċiżjonijiet politiċi. F’dan ix-xenarju, kemm jista’ jkun effettiv l-awtur?

 

IM: Waħdu ma naħsibx li jista’ jkun effettiv, speċjalment f’pajjiż fejn il-kultura letterarja ma teżistix. B’kultura letterarja ma nifhimx kultura tal-qari. Kultura letterarja hija kultura li tħares lejn il-kittieba b’ċertu mod; hija kultura li tistma lill-kittieba biżżejjed biex titlob mingħandhom impenn politiku li jqajjem id-dibattitu. Hawnhekk, dan it-tip ta’ kultura m’għandniex. Id-dibattitu jistgħu joħolquh biss il-politiċi u forsi xi opinjonisti, jew nies li jaħdmu fil-qasam politiku bħall-gruppi tal-pressjoni. Allura l-kittieba jistgħu jkunu effettivi jekk jaħdmu f’tandem ma’ dawn. Riħ Min-Nofsinhar m’huwiex ktieb ta’ poeżija ambjentalista imma ktieb l jinkludi kemm poeżija kif ukoll kummenti minn ambjentalisti, bdiewa b’għarfien politiku, u nies oħrajn li qegħdin jaħdmu biex iqum id-dibattitu u jinfirex l-għarfien. In-nuqqas ta’ kultura letterarja huwa diskors wiesa’ li jitlob studju separate, li Adrian Grima ta’ spiss kiteb dwaru.

 

MA: Lil min ħsibtu li jista’ jindirizza volum bħal Riħ Min-Nofsinhar?

 

IM: Naturalment, jien nittama li jaqrawh nies ta’ tipi differenti. Jista’ jkun li, imqar inkonxjament, (għallinqas min-naħa tiegħi), kelli f’moħħi lin-nies tal-poter, għaliex dawn jistgħu jagħmlu differenza ferm ikbar milli nistgħu aħna bħala kittieba, appuntu għax għandhom il-poter. F’dan ir-rigward, kien ġest sabiħ tad-deputat Evarist Bartolo li waqt l-aġġornament tas-seduta parlamentari tat-8 ta’ Lulju li għadda tkellem dwar il-ktieb, li kienet għadha kemm ħarġet l-ewwel edizzjoni tiegħu, mad-deputati sħabu u ta l-kummenti tiegħu dwar id-diskors li l-ktieb ried joħloq. Ngħiduha kif inhi, ir-referenzi għal-letteratura  ma tantx huma spissi fil-kamra tad-deputati tagħna. Iżda, ovvjament, il-ktieb ma jindirizzax biss lil min għandu l-poter. Naħseb li jindirizza wkoll lil min m’għandux għarfien dwar it-tibdil fil-klima u kif dan qiegħed jaffettwah diġà. Għaldaqstant, irid jinstab mezz kif il-ktieb jasal għand dawn it-talin. Kemm Adrian u kemm jiena qegħdin nattendu l-attivitajiet organizzati minn gruppi ambjentalisti biex nippromwovu l-ktieb ħalli nilħqu ċrieki usa’ ta’ nies. Naf ukoll li f’xi skejjel sekondarji qegħdin jinqraw siltiet lit-tfal ħalli anki dawn jibdew jieħdu l-informazzjoni u fuq kollox titrabbielhom sensibilità neċessarja quddiem sitwazzjoni prekarja bħal din.Minbarra l-poeżiji tagħna, il-ktieb fh kummenti ta’ diversi persuni li jaħdmu f’oqsma differenti, oqsma li jmissuna direttament u mill-qrib ħafna wkoll.

 

 

In-Nazzjon Tagħna, 6/1/2009

 

 

Aqra l-intervista li Adrian Grima ta lil Mario Azzopardi dwar l-istess ktieb

 

 

LURA