il-ktieb tas-sibt filgħaxija

 

 

 

 

 

 

 

Bl-eċċezzjoni ta' tliet poeżiji qosra ispirati minn vjaġġ lejn Budapest, it-tieni ktieb ta' Immanuel Mifsud, ippubblikat fl-1993, ukoll huwa ġabra ta' novelli. Il-karattri f'Il-Ktieb tas-Sibt Filgħaxija huma aktar familjari, u l-ħarsa tingħata hija indirizzata aktar lejn il-bniedem komuni milli l-imarġinati. Il-perjodu għadu dak tat-tmeninijiet, tant li fid-daħla tiegħu għall-ktieb Mifsud jistqarr li dawn l-istejjer huma dawk ta' nies li ltaqa' magħhom fil-kafejiet, fl-iskejjel u f'postijiet pubbliċi oħrajn. Madankollu, hija l-ħajja privata ta' dawn in-nies li l-aktar li tispikka f'din il-ġabra, u dak li jiġrilhom is-Sibt filgħaxija. Il-proliferazzjoni ta' stazzjonijiet tar-radju wara l-liberalizzazzjoni tax-xandir wasslet għal ħafna programmi-konfessjonarji fejn in-nies solitarji fittxew ir-rifuġju tagħhom billi ħarġu fil-beraħ l-inkwiet tagħhom waqt il-programmi ta' billejl. Ispirat mill-kitba ta' Michel Foucault, Mifsud jara dawn il-programmi bħala forma oħra ta' kif il-bniedem jissuġġetta ruħu għall-poter.

Il-Ktieb tas-Sibt Filgħaxija huwa ppopolat b'nies li jippruvaw jagħmlu sens mid-dwejjaq tal-ħajja ta' kuljum. Id-deni tas-sibt filgħaxija jaħkimhom sew imma l-għada jisbaħ il-Ħadd u mbagħad it-Tnejn, bis-solita storja ta' kuljum.
 


LURA GĦALL-BIBLJOGRAFIJA