il-ktieb tal-maħbubin midruba

Il-Ktieb tal-Maħbubin Midruba ħareġ fl-1999. Bejn wieħed u ieħor għaddew għaxar snin bejn il-kitba tan-novelli fl-ewwel pubblikazzjoni u dawn. Hawnhekk il-ħarsa tmur l-aktar lejn il-ġenerazzjoni tal-kittieb stess, imlaqqma bħala l-Ġenerazzjoni X mill-kittieb Kanadiż Douglas Coupland.
Il-ktieb ilaqqagħna ma' tifla li tħobb il-Pet Shop Boys li tikteb lill-psikologu biex tistqarr il-ħsibijiet suwiċidali tagħha wara li l-ġuvnott tagħha telaqha għal tifla oħra; professur universitarju li jispeċjalizza fil-Filosofija tal-mewt jagħti l-aktar taħdita importanti f'ħajtu f'awla mimlija siġġijiet vojti; kandidat politiku omosesswali li jaħbi l-orjentament sesswali tiegħu minħabba l-mistħija u li kull filgħaxija jiltaqa' mal-maħbub ċibernetiku tiegħu fuq l-IRC; poeta Marxista li waqt konferenza internazzjonali dwar il-futur tal-Marxismu wara l-waqgħa tal-ħajt, jistqarr għall-ewwel darba li kellu relazzjoni ma' tfajla taħt l-eta'.
Fid-daħla għall-ktieb Mifsud jgħid li jqis lilu nnifsu aktar bħala soċjologu li jikteb l-istejjer milli awtur li jikteb in-novelli. Il-maħbubin midruba tiegħu, fil-fatt, huma nies li ġejjin minn klassijiet soċjali differenti.