© Immanuel Mifsud, 2008

 

Lejl ma’ Amy Winehouse

Yes I been black, but when I come back
You wont know, know, know.

Amy Winehouse

 

 

Amy l-imħawda ħarġet tiżfen bħas-soltu: f’id waħda tazza tal-birra mimlija vodka u fl-oħra sigarett oħxon tal-brim. Xħin rajtha ġrali bħas-soltu: weħilli lsieni. Anki t-tazza Red Bull weħlitli ma’ xufftejja. Kulħadd waqaf iħares lejha xħin ħarġet. Kont ili nħares lejha ’l dit-tifla mbagħad ġimgħa ilu ma flaħtx aktar u ħriġt niżfen magħha u wara xi nofs siegħa nitbellah quddiemha kaħħlet xufftejha ma’ tiegħi u deffsitli lsienha togħma ta’ rmied u vodka, u għedt “ġewwa x-xilep”. Imma mbagħad ġie l-għarus tagħha u telqet miegħu.

Amy ma nafx x’jisimha. Jien ngħajtilha Amy għax qisha Amy Winehouse. Taħt għajnejha sinjali ħoxnin bil-lapes iswed; għajnejha ħomor nar u mżellġin. Difrejha twal, blu jew suwed.

L-għarus tagħha ċertu Ray naqra zopp. Ġimgħa ilu, meta ġie għaliha – sekondi wara li lsienha żelaq minn bejn snieni –  tani ħarsa u daħaqli qisu kien ilu jafni s-snin. Ma kontx naf li dak kien l-għarus ta’ Amy; qaluli wara li tlaqt lura lejn il-bar inkazzat li telqet ’l hemm ma’ ieħor. Kont diġà qed nippjana li nċempel lill-kuġin ħa jislifli naqra l-flat għal dik il-lejla. Insomma, għadu ġebel u saqaf u għandu jkun lanqas aperturi għad m’għandu imma l-aqwa li ma jarak ħadd. Imbagħad ġie Ray u spiċċajt waħdi mar-Red Bull. Jien u r-Red Bull. Ir-Red Bull u jien.

Din Amy tassew wild. L-ewwel tintefa’ mal-bar tibbammja l-vodka mingħand dak u mingħand l-ieħor sakemm timla tazza sħiħa tal-birra, imbagħad tinżagħlek iż-żarbun u tintefa’ fin-nofs tiżfen. Qaluli li darba waħda sa bdiet tinża’ f’nofs id-dance floor u xi ħadd waqqafha u ħariġha ’l barra lejn il-blat. Mhix it-tifla li ommi tieħu gost tarani magħha, imma come on, mela tifla bħal Amy se tħalliha titlaqlek minn idek?!

Amy kif iġġenninni, Madonna! Tħallini llejla jew? Għandi naqra bżonn, Amy qalbi. U int mhux għalhekk qiegħda, ħa taqdi l-bżonnijiet ta’ min bħali jqatta’ ġimgħa jaħdem daqs bagħal imbagħad is-Sibt ikun irid jisfoga naq’a? Amy! Dak ix-xagħar iswed mgħaqqad kif iġenninni, Amy! U dik il-libsa qasira u trasparenti, bajda bil-bra u l-panty suwed! Amy, baby! Arani ġej!

Alan jersaq lejn Sabrina. Amy hija Sabrina, Sabrina Saliba. Alan jersaq lejn Sabrina. Amy x’int wild, Madonna! Alan iħarsilha minn fuq s’isfel u Sabrina Saliba tiżfen fin-nofs u tixrob il-vodka. Aw, Amy ok jew? X’int hot, baby! Sabrina Saliba mhix tara art, imma dak il-ġuvni ta’ quddiemha jħares lejha qisu qatt ma ra tfajla b’xagħarha miżbugħ iswed ileqq tiżfen ħafna bil-vodka f’idha, qiegħda tarah sew: għandu għajnejh kbar li kulurhom ma jidhirx fid-dlam, għandu xagħru x’aktarx qastni ta’ tul normali, għandu ħalqu kbir, sidru ftit miftuħ għax beda jmur jibni ġismu fil-palestra, m’għandu xejn aktar jispikka, xejn jidher, kollox mgħotti. Mill-ħarsa li qiegħed jagħtiha taqtgħu balalu, xi wieħed li jmur jarma għall-festa jew ikun fuq quddiem nett mal-ultras il-grawnd tal-futbol kull nhar ta’ Sibt jew Ħadd. Sabrina Saliba tersaq lejh u titla’ fuq ponot subgħajha biex tbusu imma hi u tixxabbat tagħlaq għajnejha u titlef il-bilanċ u l-vodka ta’ ġot-tazza tixtered kollha fuqu, taħsillu l-qmis li nefaq ġimgħa u nofs paga fuqha. Alan jiġbed tnejn imma jkollu jitbissem quddiem Sabrina Saliba.

Il-vodka waqagħli.

Eħe fuq il-qmis tiegħi!

Allura xi tridni nagħmel: nagħsarha ħalli nkun nista’ nixrob?

Amy x’int wild.

U nista’ nkun ħafna aktar. Ġibli vodka.

Alan jiġbed tnejn oħra għax se jkollu jħallas vodka, imma llum biħsiebu jdaħħlu huwa stess ix-xilep, jiġri x’jiġri. Għalhekk jirrabja mhux ftit xħin, b’tazza tal-birra mimlija vodka li swietlu erbat ijiem oħra paga, idur u jsib lil Amy b’ħalqha mwaħħal ma’ xi ħadd b’xagħru qiegħed jaqagħlu.

Amy, kif iġġenninni. Għala tagħmilli dawn il-kummiedji? Tridni nispiċċa l-ħabs ’ħabba fik jew? Issa x’qiegħda tagħmel ma’ dan iż-żronġ? Dan biex iġġegħelni ndaħħlu ġo xi speaker u ntella’ l-volume full? Jew tridni nwaħħallu l-mus fil-kozz t’għonqu u nħallih jiġri warajja bil-mus imdendel jew? Amy, tgħallinix, baby. Niktli ġimagħtejn paga u did-darba jista’ mhux jiġi l-għarus, familtu u razztu kollha, għax illejla għall-flat ta’ Jonathan se nispiċċaw jien u int.

Aw, man, aqlagħli minn hemm. Oħroġ ilsienek minn hemm ġew, ja qargħi nittien!

Dak ta’ xagħru qed jaqagħlu jdur fuqu għas-sodisfazzjon imma xħin jara lil Alan ta’ ġismu kbir quddiemu jiksaħ minn ġewwa. Lil Alan kulħadd jafu.

Alan u Sabrina Saliba ġo rokna. Sabrina Saliba fuq ħoġor Alan, u idejn Alan iħufu ’l hemm u ’l hawn, mir-ras mimlija xagħar imqanfed lewn il-ħanfus, sas-swaba’ ta’ saqajha jiggrunċjaw ’il ġewwa malli jħossu lil subgħajh jinfilsaw irwieħhom ħelu ħelu. Alan lanqas jiflaħ jissaporti l-vjaġġ lejn il-flat ta’ kuġinuh. Li kien għalih jibdew qabel, hawn, f’dir-rokna. Alan ftit għadu jimpurtah min qed iħares. Lanqas jiftakar meta bies b’dik il-ħeġġa kollha l-aħħar. X’aktarx lil Dorothy, omm it-tfajla li kien joħroġ magħha sa xahrejn ilu. Amy, kif iġġenninni, Madonna! Lanqas Dorothy ma kienet tajba daqsek għall-ġlieda tal-ilsien, avolja ħalqi kienet timlihuli kollu dik. Issa kieku qegħdin kif ħalaqna l-Bambin mhux aħjar? Ara ma jfettillekx iġġib lil dak iż-żobb ta’ zopp ’l hawn illum ta! Amy, meta narak tiżfen taf kif iġġenninni jew? Bil-mod Amy, baby, x’ħabta għandek tigdem! X’int wild, Amy, Madonna, x’int wild! Hekk inħobbhom jien: wild għall-ostra tagħhom.

Sabrina Saliba tqabbad sigarett hekk kif Alan jipprova jiftaħ il-bieb tal-flat ta’ Jonathan. Lanqas bozza m’hemm fit-taraġ. Biex telgħu sal-ewwel sular damu xi għoxrin minuta.

Isma’, Amy, aħna hemm bżonn nitilgħu sa fuq? Fuq it-taraġ mhux tajjeb ukoll?

Hawn il-bard hawn.

Qajla kienet taf Sabrina li dak l-appartament m’għandux tieqa waħda.

Jidħlu.

Joħorġu.

Alan iqabbad il-karozza, jagħfas il-gass f’daqqa, it-tyres iwerżqu, Sabrina tidħaq u hu jidgħi. Iħares lejn l-arloġġ: is-sagħtejn u kwart ta’ filgħodu. It-tyres iwerżqu ma’ kull kantuniera li jduru f’daqqa, ma’ kull roundabout li għoddhom jitilgħu fuqha. Fuq l-istereo Amy Winehouse: “Rehab”. Ġisem, daqs din tħawwadni! Daqs dil-miġnuna tħawwadni! U Sabrina Saliba ttella’ saqajha mikxufin fuq id-dashboard u tkanta ma’ Amy Winehouse u Alan jixgħel il-bozza ta’ ġewwa ħalli jkun jista’ jara saqajha sew, u jitqanqal aktar malli jara tpinġija ta’ wiżgħa fuq nett ta’ koxxitha, ftit ’l isfel minn fejn jistrieħ il-qalziet ta’ taħt iswed. Mank kont dik il-wiżgħa, Madonna! U jagħfas aktar il-gass ħalli jfittex jasal id-dar ta’ Sabrina biex dak li m’għamilx bejn il-ħitan għeriewen ta’ Jonathan jagħmlu għandha.

Ma nafx għala telqitni Shirley. Tgħid indunat li kont qed inħawwad m’ommha? Qatt ma tkellimna fuq hekk. Li ma nistax nifhem hu kif Dorothy ma riditx taf bija aktar wara li t-tifla telqitni. Dik Dorothy mħawda oħra: ir-raġel il-każin tal-futbol, it-tifla xogħol sad-disgħa, u jien u hi għaddejjin bil-mija. Imbagħad dik il-qaħba Shirley telqitni u Dorothy ma riditx taf bija aktar lanqas. Issa jkun jaf żewġha ma jdendilhiex mal-kaxxa tat-trakk u jdur nofs Malta biha?! U issa jien għax qed naħseb dwar Dorothy meta għandi ’l dir-reġina maġenbi?

Isma’, fadal ħafna biex naslu jew?

X’int mgħaġġel!

Int l-ewwel toqgħod tikxifli saqajk u ttellagħhom mal-windscreen u mbagħad tgħidli li jien mgħaġġel? Isma’ aħna għax ma niqfux xi mkien u nieħdu waħda fil-karozza għid?

Fil-karozza għandek vodka?

U allura Alan jagħfas il-gass s’isfel.

 

Haw’ fej’ il-Madonna ġibtni?

Id-dar.

Din tiegħek?

Mela.

Di’ villa, istja!

Żommni ftit għax qiegħda nħossni se naqa’.

U mela, baby.

Malli jidħlu fil-villa Alan jisma’ mużika tgħajjat ġejja minn fuq.

Haw’ xi ħadd?

Mela.

Ommok?

Ommi?

Min haw’?

Ray u sħabu.

L-għarus?

Eħe. Dak jgħix miegħi. Ejja imxi fuq ħdejhom.

Fuq hemm ħafna kmamar mixgħulin. Hemm riħa taqsmek ta’ kannabis tinħaraq ukoll. Jgħaddu minn ħdejn kamra: tlieta min-nies mgħannqin fuq sufan, hekk kienu, hekk baqgħu. Imbagħad il-kamra li jmiss: xi sitta min-nies, jaqbżu minn fuq is-sufan għal mal-art, jiġru wara xulxin u jidħqu jgħajtu. Il-kamra ta’ wara: mitfija, imma donnu hemm il-forma ta’ tnejn min-nies mal-art, fin-nofs. F’nofs ta’ kuritur hemm Ray iz-zopp ma’ żewġ ġuvintur oħra libsin qomos roża bil-frilli, wiċċhom mimli żebgħa u d-dwiefer ħomor u vjola.

Ray, hon, hawn ħabib ġdid miegħi. Għidlu hi, isa.

Hi.

Alan lanqas jaf x’għandu jagħmel.

Qallek hi, taf?

Hi.

Have fun, ta.

Ray, hon, fadal xi ħaġa?

Eħe, fil-kċina wara l-microwave.

Sabrina timxi lejn il-kċina mixgħula. Alan jimxi warajha. Fil-kċina m’hemm ħadd.

Ok, nistgħu noqogħdu hawn. M’hawn ħadd. Inża’.

Xiex?

Inża’ sakemm illesti kollox. Nistgħu noqogħdu hawn, għax il-kmamar kollha hemm xi ħadd fihom.

Isma’, imma hawnhekk se noqogħdu?

Le mela fejn, f’xi flat bla twieqi fejn kont se toħodni int?

U l-boyfriend?

Ma rajtux mal-ħbieb tiegħu?

U jekk jiġi xi ħadd?

Ħeqq, allura?

Oj oj, stenna ftit. Int bis-serjetà qed tgħid jew?

Għadek ma bdejtx? Joint trid?

Xiex?

Joint. Qabel nibdew hux. ’Tini ċans ħa nremblu.

Darba tela’ weekend break ma’ Dorothy f’lukanda l-Marfa. L-ewwel lejla, il-Ġimgħa filgħaxija, Dorothy xorbot u riedet tilgħab tal-kaċċatur u t-tigra. Bdiet tiġri mal-kamra kollha u tgħajjat kemm tiflaħ. U dakinhar qaltlu li riedet tweġġgħu, riedet tagħmillu xi ħaġa biex tweġġgħu ħafna u qabel tarah jibki ma tiqafx. Għax it-tigri jigirfu u jigdmu ħafna: iqattgħu biċċiet u jieklu l-priża tagħhom. Mhux żgur kienet taf x’forma għandha tigra Dorothy, imma mlietu gdim u tbenġil u l-weekend break beda bid-dmija. Tant qala’ grif u gdim u swat fuq dahru li, filwaqt li t-tigra kienet rieqda paxxuta bil-Gin and Tonic jiffermenta ġo rasha, hu lanqas seta’ jimtedd u kellu jipprova jorqod wiċċu ’l isfel. Il-weekend break spiċċa kif beda. Weekend jilgħab tal-annimali mal-kamra 305 kollha u saħansitra fl-indoor pool. Għal ġranet sħaħ baqa’ jaħseb jekk meta tkun ma’ żewġha Dorothy tilgħabx tat-tigra jew tal-ħaruf, jew tkunx il-lampuka jew kelb il-baħar. Jekk tilgħabx wara kollox. U l-ewwel darba li reġa’ sab ruħu fil-kamra tagħha ftit wara li t-trakk tar-raġel startja u saq ’il bogħod, Alan beda jibża’. Imma dakinhar Dorothy ma xorbotx u allura kollox mexa kif kien jimxi s-soltu. Issa qed iħares lejn Sabrina tilgħaq il-librett ħa tagħlaq il-joint u f’għajnejha qed jara l-istess ħarsa ta’ Dorothy tal-weekend break.

Isma’ pupa, tridx tmur torqod għax naħseb għandek in-ngħas daqskemm ilek tniżżel vodka? Forsi niltaqgħu għada?

X’inti tistenna? Għadek tħares?

Amy, baby, mhux aħjar tmur torqod jew?

Ejja ħa nibdew. Ħa nixgħel iddawl ħa naraw sew.

Tixgħel?

Mela.

 

Jien ma nafx eżattament x’inhu jiġri imma Amy niggżitni. Rajtha ġejja b’injection minn xi kamra oħra u qaltli nimtedd. Issa jew dak il-joint, jew il-vodka jew ħalqha, ħassejtni tajjeb biss biex nimtedd kif qaltli u nħalliha tiġbidli idi u ttaptapli fuqha. Amy mħawda wisq u lili tħawwadni warajha qiegħda. Iktar ma naralha l-make-up jiżżelleġ iktar nisħon għaliha. U għandha raġun: jekk jidħol xi ħadd fuqna mhux xorta jew? Għal Amy nagħmel kollox. Sa ħallejt lil Ray jidħol fuqna u joqgħod jara. U mbagħad daħlu ż-żewġ ġuvintur li kellu miegħu u qagħdu jħarsu wkoll u Amy qaltli li qagħdu jħarsu lejja. Lanqas naf għala għandi dan l-uġigħ ta’ ras. Mhux qawwi, imma qed idejjaqni. Lanqas qed iħallini nagħmel li rrid ma’ Amy; nixtieq nilgħaqilha l-wiżgħa u lanqas niflaħ ngħolli rasi. Naf li Ray rabatni mal-mejda tal-kċina imma dak parti mil-logħba għax Amy tivvinta l-logħob ukoll. Amy tħawwadni: tidher imħawda u għandu jkun tgħidx kemm hi tal-iskola. Aħna u mixjin lejn il-kċina indunajt li l-kuritur mimli kotba. U issa qed ninduna li Ray qiegħed irewwaħli bi ktieb. Għax is-sħana. Forsi għalhekk għandi wġigħ ta’ ras, għax is-sħana. Kif nista’ ma nħossx sħana bil-qbiż ta’ Amy fuqi? Fakkritni fil-weekend break tal-Marfa. Dik il-bagħla Dorothy lanqas ikkuntattjatni iktar mindu telqitni bintha. Sħab Ray daqs Amy mħawda. Ħallejthom ukoll: għal Amy kont lest nagħmel kollox. Ħallejthom. Lanqas naf kif ħallejthom għax jien m’iniex t’hekk. Imma ħallejthom: lil dawk il-ġuvintur u lil Ray ukoll. Anki Ray. Quddiem Amy. Dawn it-tfal tal-iskola daqsna l-injoranti mħawdin għandu jkun. Jien u miexi, jien u nkaxkar saqajja, naqla’ t-trab l-antik li nefħu ’l hawn ir-riħ. U mat-trab iqattar il-qtar aħmar. Qtar aħmar mat-trab li naqla’ jien u miexi, jien u nkaxkar saqajja; jien u nfittex il-fjuri li jikbru waħidhom fit-triq. Jien u nfittex l-uċuħ li darba daħquli: wiċċ Ray, wiċċ dawk il-ġuvintur li rabtuni u ħallejthom jilagħbu miegħi. Jien u nfittex wiċċ Amy. Jien u nfittex it-tarf ta’ diċ-ċinga. Jien u nfittex lil wiċċ Dorothy jidħaqli malli nisimgħu t-trakk jistartja.

Għax fil-fatt meta Amy ġabet l-injection kien hemm Ray u sħabu. U wieħed minnhom, dak ta’ xagħru twil, qal lil Amy biex tfittex il-vina u ttaqqabha, biex iddaħħal il-ponta sew, ittaqqab bil-mod, bil-ħlewwa. Fittex il-vina, Amy, u ara d-demm ħiereġ: qisu storja sabiħa li tispiċċa f’daqqa; qisu daħna trab imqanqla. Fittex il-vina, Amy, fittixha sew, u taqqabha. Daħħal il-ponta sew. Daħħalha sa ġewwa nett. Għajnejha sbieħ wisq. Xħin naraha tħares lejja, speċjalment bil-make-up imżelleġ, jeħilli lsieni. U xħin rajtha bla ħwejjeġ tlaqt nimxi nkaxkar saqajja. Imma issa dan l-uġigħ ta’ ras qed jikber u nħossni naħraq u fl-istess ħin qed interter bil-bard. U ma nafx għala Amy qiegħda tibki. X’għamiltilha? Għamilt kulma riedet: ħallejt lil Ray u lil sħabu jorbtuni mal-mejda tal-kċina, ħallejthom imissuni u ħafna aktar minn hekk. Biex bikkejtha? Il-passi ta’ Ray u sħabu jdamdmu ma’ widnejja, nistħajjilhom fjuri spuntati mit-trab, hawn f’nofs it-triq, qalb is-saqajn li jimxu mgħaġġla. Mhux fit-triq qiegħed – fil-kċina. Imma hawn ħafna saqajn miexja mgħaġġla u allura bilfors li hawn il-fjuri xi mkien. Bilfors. Imma m’jien nara xejn ħlief is-saqajn jiġru u lil Amy tibki. Xagħarha qed jitqanfed aktar. Naħseb li qed jonfoħ ir-riħ fil-kċina għax xagħarha mqanfed sew. Jien u miexi, jien u nkaxkar saqajja, jien u nagħfas wiċċi mal-art, mat-trab tal-kċina, mal-qronfol aħmar li jiftaħ quddiem għajnejja qisu storja sabiħa li spiċċat f’daqqa. Amy, mhux aħjar tilbes, pupa? Hawn ħafna nies u qed jarawk u jien ma rridx li jarawk hekk. Isma’ minni Amy, ilbes issa għax m’għadniex waħidna. Mhux aħjar bqajna fil-flat ta’ Jonathan? Billi l-bard? Hawn hawn iktar bard. M’intix tħossu jew? Amy għajnejk iħawduni imma ma rridekx tibki, pupa. X’int tibki? Ara kif ċallastu kollu l-make-up! Mhux għax iddejjaqni bil-make-up imċallas, imma m’għadniex waħidna. Ray, ma rridx nimtedd lura bil-mod, Ray. Ħallejtek tagħmel li ridt minħabba Amy imma issa rrid inqum Ray. Ħallini nqum. Ħallini nqum Ray! Ħa nħares ftit lejn il-qamar, Ray, għax illum qamar mimli u rrid inkellmu ftit bil-kwiet, bil-kalma, fid-dalma, fis-skiet, Ray. Mhux nimtedd irrid, Ray, irrid inqum. Ħallihieli lil Amy, ħalliha tiġi miegħi sa barra. La jgħaddili dan l-uġigħ ta’ ras. Mela kulħadd qed jibki issa? Kiesaħ u kalm, kripat fil-kefen, nirrakkonta bla kliem, bla tektik, bil-kwiet, fil-kwiet, fil-kwinta qamar iħares lejja u jitħassarni. Hekk qalulha lil Amy: fittex il-vina u taqqabha. Idejn Amy risqin lejn wiċċi. Dawn l-isbaħ par idejn tad-dinja. Kemm int sabiħa, Amy! Kemm nixtieq ngħannqek miegħi ħalli forsi jgħaddili dan l-uġigħ ta’ ras, imma għandu jkun għadni marbut mal-mejda, hux? Le, Amy, mhux tfaqqagħli fuq wiċċi rridek. Mellishuli ftit, qalbi. Jew agħti, agħmel li trid, pupa! Li trid agħmel imma tibqax tibki! Nixtieqek tgħannaqni miegħek u żżommni għax l-art kiesħa u qed inħoss il-bard. M’intix tinduna kemm qed nirtogħod bil-bard? Issa li kont fjura, Amy, mhux aħjar? Mhux aħjar fjura minn mara? Kantali storja. Ħa norqod Amy. Ħa noqgħod inħares lejk u norqod. Wiċċek donnu qed jitkemmixlek. Għad hawn kulħadd hawn. Kieku jħalluna ftit waħidna, xi tgħid? Għandi l-vini jaħarquni kollha, qishom xmajjar tal-misħun jagħli. Tingiż kbir, Amy u issa qed juġagħni sidri. Naħseb li ġrali xi ħaġa Amy. Naħseb li qed iħossni ħażin. Għandi l-għatx, Amy. ’Tini nixrob. Ressaq sidrek ma’ ħalqi ħa nixrob. Agħfasni naqra miegħek. Għala qed tagħti fuq wiċċek? Amy m’għadnix nara! La lilek, la lill-oħrajn, la l-qamar. Lil ħadd m’għadni nara Amy. In-nifs, Amy. In-nifs u l-uġigħ li għandi f’sidri Amy. Kemm se ndumu hawn? Amy, kieku taf kemm ...

 

Ftit ġimgħat wara Sabrina Saliba daħlet tagħmel programm ta’ rehab. 

 

Minn, Stejjer Li Ma Kellhomx Jinkitbu, KKM 2008

 

 

LURA