Gwerrieri u Sinjorini:

Mary Meylak u l-poeżija tal-ġisem

Immanuel Mifsud

Diversi huma d-dixxiplini akkademiċi li matul dawn l-aħħar ħmistax-il sena kkonċentraw l-attenzjoni tagħhom fuq il-ġisem uman bħala tema ewlenija (Crossley 2001:1). Wisq probabbli kien ix-xogħol ta’ Michel Foucault li immotiva diversi studjużi ta’ dixxiplini u orjentamenti differenti biex jistudjaw il-ġisem u jħarsu lejh minn angoli differenti (Calibi 2005). Ix-xogħol ta’ Foucault (partikolarment 1975, 1976, 1984i, u 1984ii) ipprovda l-għodda xjentifika lil numru kbir ta’ studjużi biex jiġbdu konklużjonijiet filosofiċi, soċjoloġiċi u storiċi dwar kif il-bniedem ħares lejn il-ġisem uman u lejn il-funzjonijiet tiegħu fi żminijiet differenti. Nistgħu ngħidu wkoll li dawn l-istudji rawmu oħrajn f’oqsma artistiċi diversi, fosthom il-letteratura, l-arti performattiva u dik viżwali, li flimkien sawru korposfera (Mirzoeff 1995) ddettaljata li serviet ta’ dokument storiku u soċjali. 

Mil-lat soċjali, l-ispirazzjoni Foucaultjana hija evidenti ħafna fl-istudji Femministi, Lesbjani u Gay dwar ir-rappreżentazzjoni tal-ġisem f’oqsma differenti ta’ l-arti. Dawn l-istudji joħolqu argumenti li matul iż-żminijiet il-ġisem intuża sabiex jissaħħu konċentrazzjonijiet ta’ poter li wasslu għall-ħolqien ta’ proċessi soċjali li min-naħa tagħhom isawru sterjotipi u inugwaljanzi soċjali. L-iktar kunċett ċentrali f’dan id-diskors huwa dak ta’ l-alterità: il-ħolqien ta’ l-“Ieħor” fuq bażi ta’ ġisem u sesswalità, bl-idea ċentrali tkun li dawn huma kostruzzjonijiet soċjali u mhux bijoloġiċi (ara pereżempju Butler, 1993). Il-ġisem, għalhekk, jibda jitqies bħala entità li tmur ħafna lilhinn mill-għadam, il-laħam u l-ġilda. 

Terġa’, il-ġisem jittieħed f’abitati differenti. L-aktar abitat ovvju huwa l-erotiku. Il-ġisem minnu nnifsu huwa sors erotiku u din id-dimensjoni hija waħda importanti ħafna fl-istudju tal-letteratura u ta’ oqsma oħrajn ta’ l-arti. Ir-rappreżentazzjoni tal-ġisem bħala sors ta’ erotiżmu ma tintrabatx biss mas-sesswalità imma hija marbuta wkoll mas-sagru u r-reliġjuż (Bataille 1957, Dziuban 2007). Dan jista’ jinftiehem aħjar fix-xbihat ta’ figuri reliġjużi u fl-antropomorfizzazzjoni tad-divin (Williams 1989, Kristeva 1987, Tazi 1989). 

Trid ukoll tittieħed konsiderazzjoni ta’ l-użu metaforiku tal-ġisem, li tvarja mir-rappreżentazzjoni tad-divin u l-ispiritwali, għall-astratt, u anki għal dak kollu li mhuwiex uman. L-istudji dwar il-ġisem jagħtu rendikont iddettaljat ta’ kif il-korp uman intuża biex jirrappreżenta ż-żmien, il-politika (permezz tal-body politic u anki tal-patrija u kunċetti oħra simili).

 L-iskop ta’ dan l-artiklu huwa li tiġi studjata l-korposfera li toħroġ mill-poeżija ta’ kittieba li ħafna drabi ġiet assoċjata biss mal-ħlewwa, ma’ l-innoċenza u s-sabiħ: Mary Meylak. Il-poeżija ta’ l-unika poetessa Romantika Maltija toffri għalqa mdaqqsa ta’ materjal li minnu nistgħu niskopru dimensjonijiet oħra tal-poeżija ta’ din il-mara.

 

In-nisa sbieħ, l-irġiel ...

Ħarsa mill-qrib lejn il-poeżija ta’ Meylak turi l-attenzjoni kbira li tat lill-figura femminili. Fil-fatt, il-karattri prinċipali li tippreżenta Meylak fil-poeżiji narrattivi tagħha huma nisa. Dan l-aspett huwa importanti ħafna għall-fatt li l-kittieba Romantiċi l-oħrajn, fil-maġġoranza assoluta, ippreżentaw eroj irġiel, filwaqt li n-nisa kienu hemm biex iżejnu r-rakkont bi ġmielhom u bl-innoċenza u s-sottomissjoni tagħhom. “Grezz il-Gwerriera”, merfugħa mill-ktieb Album (1947) hija l-eżempju l-aktar ċelebri ta’ dan, fejn bis-saħħa ta’ waħda tfajla Malta ssalva minn ħbit mill-Għarab. Sa l-Ħakem ta’ Malta jibqa’ mgħaġġeb bil-kuraġġ kbir li turi din it-tfajla li waħidha mexxiet kontro-attakk kontra l-aggressuri ta’ Malta. Sa hawnhekk, il-poeżija diġà turi ċerta oriġinalità meta mqabbla ma’ x’kien jinkiteb mill-kittieba rġiel, iżda (u għall-fini ta’ dan l-artiklu huwa aktar interessanti) Meylak tmur lilhinn. Meta tintebaħ bl-attenzjoni ‘maskili’ li l-Ħakem jagħtiha wara r-rebħa fuq l-għadu, Grezz tgħarrfu li hija għarusa lil ċertu Peppi l-Grillu minn Birkirkara li

                Għalkemm fqajjar, smajjar, qsajjar

                Isbaħ minnu ’l ħadd ma nara!

 “Grezz il-Gwerriera” mhux biss tiddevja min-norma Romantika li tagħti erojina minflok eroj, imma taqleb ir-rwoli li ħoloq l-isterjotip Romantiku. Il-Ħakem jimmeravilja ruħu bil-ġmiel ta’ Grezz, l-aktar b’ “xuxet is-sbul id-deh’b”, filwaqt li Peppi m’huwiex il-ġuvni sabiħ li jippareġġja mat-tfajla; lanqas m’hu ż-żagħżugħ mibni u immuskolat kif kien l-ideal Romantiku u l-isterjotip tax-xbieha maskili.

 L-istess jiġri f’poeżija narrattiva oħra mill-istess ġabra, “Id-Destin ta’ St. Clement”: il-mara tal-kaptan ta’ bastiment tissejjaħ “l-imperatriċi / Ta’ l-imperu ikħal nir” u “l-ġenna tal-baħar, / kulħadd fiha jara l-ġmiel”. Iżda mhuwiex il-ġmiel li jispikka l-aktar f’din il-mara, imma l-qlubija tagħha. L-istess karatteristika nsibuha f’ “Il-Warda Maltija u l-Anġlu tax-Xelter”. Hawn ukoll niltaqgħu ma’ tfajla mill-isbaħ – Karmena – li waqt ħbit mill-ajru tinġibed lejn Ġorġ li jkun qiegħed jistkenn fl-istess xelter magħha. Aktar ’il quddiem, meta Ġorġ isib ruħu fl-armata jiddefendi lil pajjiżu, Karmena, tilbes ta’ raġel biex tkun tista’ tmur ħdejh u tkun tista’ tipparteċipa fid-difiża tal-pajjiż. U tispiċċa maqtula: erojina oħra li l-kittieba rġiel ftit li xejn ħolqu bħalha.

In-nisa fil-poeżiji ta’ Meylak huma kollha sbieħ, u l-poetessa toqgħod attenta ħafna li anki jekk ma tgħidx kategorikament li mara hija sabiħa, tagħmel hekk permezz tad-deskrizzjoni li tagħti tagħha. Fil-poeżiji tagħha l-karattri nisa jew il-karattri femminili huma numerużi: l-erojini li diġà semmejna, sinjorini, ommha, il-Madonna, ix-xemx, ħlejqiet oħrajn li jiġu antropomorfizzati ma’ nisa (sbieħ), saħansitra ideat astratti li jeħdu kwalitajiet femminili. Mill-banda l-oħra, il-karattri rġiel jew maskili huma ftit, u waħda mill-affarijiet li jispikkaw f’dan ir-rigward hija t-trattament differenti li Meylak tagħti lill-karattri skond il-ġens tagħhom.

 Peppi l-Grillu, dak is-smajjar u qsajjar (u allura ikrah) huwa wieħed minn numru żgħir ta’ rġiel imsemmija minn Meylak. Minn din il-lista qasira ta’ rġiel, il-Grillu mhuwiex l-uniku ikrah li hemm. Pereżempju fil-poeżija “Monument lil Ġorġ Meylak (Missieri)”, merfugħa mill-ġabra Villa Meylak (1947), Meylak tiddieħaq bl-istatura ta’ missierha:

 

                Dan kien missieri, raġel tgħidlu mdaqqas,

                Lewn qamħi, qargħi, tgħoddu mal-ħoxnin,

                Għajnejh kannella kbar, mnieħru suffara,

                Mustaċċi ’l fuq bil-ponta, mibrumin.

 

L-istess bħal fil-każ ta’ Grezz u l-Grillu, omm u missier Meylak, għallinqas kif tiddeskrivihom hi f’Villa Meylak, huma l-oppost ta’ xulxin: il-mara hija sabiħa, ir-raġel mhux. F’Villa Meylak il-poetessa tiddeskrivi ’l ommha fil-poeżija “Monument Mananni Meylak (imwielda) Grech (Ommi)” b’dan il-mod:

                Sabiħa għadha llum wiċċha jirkaċċa,

                Mur ara meta kellha xi tmintax,

                Le mhux għax ommi, imm’hekk jitlob is-sewwa,

                Ta’ mparha isbaħ minnha ma tarax.

 

It-trattament differenzjali li Meylak tagħti lil karattri femminili u oħrajn maskili jmiss ukoll lil ħwejjeġ oħrajn li mhumiex umani. Il-ktieb b’poeżija waħda Dawra Misterjuża (1947) jirrakkonta vjaġġ fantastiku li Meylak tagħmel, fejn f’xi waqtiet tkun akkumpanjata mix-xemx u f’oħrajn mill-qamar. Ix-xemx tbus lil Meylak fuq xufftejha u min-naħa tagħha l-kittieba tindroduċiha bħala dik li “qatt ma rajt maestuż daqsha / Sabiħa u ħamranija.” Malli x-xemx tħabbar lil Meylak li se jkollha titlaq – “Skużani ħafna Mary Meylak, qalbi, / Se nitlaq u nħallik” – il-kittieba tingħafsilha qalbha x’ħin taraha sejra. Lill-qamar ma tagħtihx deskrizzjoni hekk sabiħa, pjuttost timbarazza ruħha xi ftit minnu wara li fi ktieb ieħor tgħid li l-qamar m’huwiex sabiħ bħax-xemx.

Mhux għax ma nsibux irġiel magħquda u b’saħħithom u sbieħ. F’“Il-Warda Maltija u l-Anġlu tax-Xelter”, il-ġuvni jitlaqqam “anġlu” u tajjeb li naraw liema huma l-fattizzi li jagħmluh sabiħ: kuntrarju għal Peppi l-Grillu, Ġorġ f’ “Il-Warda Maltija u l-Anġlu tax-Xelter” għandu

                [...] għajnejh żoroq,

                Xuxtu mdeh’ba bħar-raġġi tax-xemx

 

Qisha r-reġina

Is-sbieħ, għal Mary Meylak, huma dawk b’għajnejhom żoroq u b’xagħarhom isfar. Hemm diversi poeżiji li fihom il-karattri li tinnamra magħhom għandhom żewġ karatteristiċi komuni: il-kulur blu ta’ l-għajnejn, u x-xagħar lewn id-deheb. Imkien daqs kemm fil-poeżija “Why Do You Love Me?”, merfugħa mill-ġabra Songs You Will Like (1971) ma nsibu dikjarazzjoni hekk ovvja ta’ x’inhu s-sabiħ skond Mary Meylak. Miktuba f’sensiela ta’ distiċi, Meylak titkellem fuq l-imħabba fiżika u toħroġ forma li fil-fatt hija l-ideal li kienet diġà kitbet dwaru f’diversi poeżiji tagħha:

 

                I love you for your have a pointed nose

                Your name is like my mother’s Mary Rose.

 

                I love you for your mouth is small and sweet

                And for your slender waist and tiny feet.

 

                I love you for your golden curly hair

                And for your freckled face extraordinary fair.

 

                [...]

                I love you for your eyes and deepest blue

                And when you speak I can rely on you.

 

                I love you for the dimple in your face

                And for the nicest manners and your ways.

 

Filwaqt li hija ovvja li din id-deskrizzjoni hija ta’ waħda mara, l-affarijiet li jingħad dwar din il-persuna huma l-figura ideali skond Meylak.  F’“Monument Mananni Meylak (imwielda) Grech (Ommi)” lis-sinjura Meylak “taħsibha Ingliża”. Għalkemm jeżistu Ingliżi anki suwed, fuq livell popolari ix-xbieha sterjotipata ta’ l- “Ingliżi” hija x-xbieha bjonda, b’għajnejn żoroq, u wiċċ mimli nemex; pjuttost ix-xbieha nordika milli xi oħra. Din hija x-xbieha dominanti fl-iġsma sbieħ fil-poeżiji ta’ Mary Meylak. Grezz fi “Grezz il-Gwerriera”, ix-xbejbiet sbieħ ta’ Santa Luċija f’ “Santa Luċija” (b’wiċċhom mimli nemex!), is-Sinjura Meylak u Ġorġ ta’ “Il-Warda Maltija u l-Anġlu tax-Xelter” għandhom kollha fattizzi Nordiċi.

 Wieħed ma jistax jifred il-kitba ta’ dawn il-poeżiji mill-perjodu partikolari li nkitbu fih. Filwaqt li d-deskrizzjonijiet l-aktar komuni ta’ kif kienu jidhru l-Maltin jiddeskrivu karnaġġjon skur u xagħar iswed, Meylak tikteb fuq Maltin b’dehra Nordika, jew aħjar, ta’ dehra “Ingliża”. Dan il-punt huwa interessanti meta wieħed iqis li mir-rapporti numerużi ta’ vjaġġaturi lejn Malta jew ta’ uffiċjali għolja fl-amministrazzjoni ta’ l-Ordni jew dik Brittanika, donnu li hemm qbil kważi unanimu li l-ġisem Malti ma kellu ebda ħjiel ta’ dehra Nordika, anzi, kien ġisem pjuttost tan-nofsinhar, jekk mhux ukoll Għarbi kif deskritt minn uħud. Domenique Vivant De Non f’ġurnal li kiteb fl-1789 jikkummenta li l-fattizzi tal-Maltin huma “Għarab daqs il-lingwa li jitkellmu” [De Non 1789: 261]. Sa ħamsin sena wara, jidher li l-ġisem Malti kien baqa’ l-istess, għallinqas skond ma jgħid Alphonse de Lamartine, fil-kummentarju tal-vjaġġi tiegħu lejn il-Lvant [de Lamartine 1839: 16]. Uħud minn dawn il-vjaġġaturi kienu kategoriċi fil-konklużjonijiet li ġibdu: il-Maltin huma Għarab u dan minħabba li huma “qosra, b’saħħithom, imbaċċna, b’xagħarhom innukklat, imneħirhom ċatt, xufftejhom mibrumin ’il fuq, u l-karnaġġjon l-istess bħal dak tan-nies tal-Barberija” [Boisgelin 1805: 77] Madankollu jidher li mal-miġja ta’ l-Ingliżi, jew ftit wara, il-ġisem Malti beda jinbidel, tant li fi ktieb ippublikat fl-1938, Eric Brockman jitkellem fuq tfajliet b’xagħarhom “imdieheb daqs tan-Norveġiżi” [Brockman, 1938: 30] u oħrajn b’għajnejhom skuri. Fi ktieb ieħor, l-istess awtur jargumenta li l-Maltin bdew jitilfu l-Latinità tagħhom mas-snin għoxrin, iż-żwiġijiet imħallta ma’ l-Ingliżi bdew jiżdiedu, it-tfajliet Maltin, l-ewwel tal-bliet imbagħad ta’ l-irħula, bdew jaddottaw drawwiet u saħansitra kostumi ta’ l-Ingliżi wkoll. Il-“virus Ingliż”, kif isejjaħlu Brockman, beda jqum wara li kien ilu rieqed għal seklu sħiħ; f’daqqa waħda tfaċċa anki minħabba reazzjoni kontra l-Italja Faxxista [Brockman 1961: 200]. Mela, fi żmien li kienet qiegħda titkellem fuq is-sinjorini tagħha Mary Meylak, dawn seta’ diġà kellhom għajnejn blu u xagħarhom isfar. Madankollu Meylak tagħmel lix-xbieha l-bjonda, jew għallinqas mhux-samra, bħala l-ideali, u dan għaliex il-bjond kien ifakkar fl-“Ieħor” dominanti. Mhux ta’ b’xejn, mela, li s-sinjorina Vella, f’ “Is-Sinjorina M Antonjetta Vella”, għalkemm għandha għajnejha kannella, għandha ħarsa “tixbah ħafna ’l tar-Reġina”.

  

Is-sinjorini sbieħ u safja

Il-predispożizzjoni ta’ Dun Karm Psaila lejn it-tfajliet li jaħdmu r-raba tista’ tikkonvinċina li r-Romantiċiżmu Malti ħares lejn din il-mara u mhux biss idealizzaha imma wkoll bidilha f’simbolu ta’ dak li huwa purament u tipikament Malti. Mhuwiex Dun Karm biss li jidealizza lil din ix-xbieha kampanjola, il-mara mibruma li l-ewwelnett tgħix ħaġa waħda ma’ l-art li wilditha u t-tieni tistmell il-belt u dak kollu li ħiereġ minnha. Biżżejjed li wieħed isemmi kif il-pitturi ‘folkloristiċi’ ta’ Edward Caruana Dingli jpinġu l-istess tfajla li Dun Karm kiteb dwarha: gustuża, mibruma, b’par wardiet ħomor, u qatt ma tidher bjonda.

Mary Meylak, iżda, timla l-poeżiji tagħha b’nisa differenti ħafna minn dawn. In-nisa l-ħelwin li tikteb dwarhom, tneħħi l-erojini nazzjonali, huma sinjorini petiti u mhux bdiewa. Antonjetta Vella, li għandha “wiċċ sbejjaħ, roża fin qisu tal-kina”, taħdem bħala inspectress fl-iskejjel elementari tal-Gvern; għandha dehra delikata b’ “imnieħer mislut, kelmtiha żîna / bi ħlewwa ta’ manjieri minn ġol-vina”. Is-sinjura Cassar, fil-poeżija “Is-Sinjura Elizabeth Cassar”, għandha tbissima bħal tal- “pupi fl-armatura”. Aktar milli bidwija, Elizabeth Cassar iddoqq il-pjanu.

 L-istess bħall-kittieba l-oħrajn ta’ żmienha, Meylak ħarset lejn il-ġisem tal-mara, u mhux tar-raġel, biex tevoka l-ġmiel Malti, u l-istess bħall-awturi Romantiċi l-oħrajn, Meylak iċċelebrat dan il-ġmiel billi tat deskrizzjonijiet pjuttost iddettaljati, ċerti drabi saħansitra erotiċi. Id-differenza bejn Meylak u l-kittieba kontemporanji tagħha hi li n-nisa li tkellmet dwarhom kienu ta’ xeħta borgiża u mill-bliet, jiġifieri dawk li kienu qegħdin jimitaw, fi lbieshom u fil-manjieri tagħhom, lis-sinjorini Ingliżi li kienu jkunu Malta.

 

Kien biss fl-aspett morali li Meylak ittrattat lil dan il-ġisem femminili Malti bl-istess mod kif ittrattawh il-kittieba l-oħra rġiel. F’ “Dawra Misterjuża” wara li tkun għamlet il-vjaġġ fantastiku tagħha, Meylak tindirizza lin-nisa ta’ Malta u b’ton maternalistiku ħafna tgħidilhom:

 

                U intom nisa, sħabi, agħrfu rabbu,

                Għax intom tkunu l-ħtija!

                Tellgħulna nies li għajb ma jkunx li jagħmlu

                Lill-ġieħ ta’ l-art Għawdxija:

 

                Bl-għonnella, żommu s-satra u l-mistħija

                U s-sokra ġewwa l-bieb,

                Ħa nibqgħu nisa li tgħidilna nisa

                U mhux jgħajruna dwieb!

 

                Ilbieskom u drawwietkom żommu xierqa

                Il-galbu jżejjen debba,

                Mel’aħseb ara kemm il-ġieħ isebbaħ      

                L-għotjiet li għandha xebba!

 

Is-safa, bħall-ġmiel, kellha tkun dik il-kwalità tant importanti li bih jissebbaħ il-ġisem femminili Malti. Anki f’dan il-każ, il-ġisem maskili mhux talli huwa inviżibbli, talli donnu huwa lilhinn minn kull possibilità li jitħammeġ: huwa l-ġisem femminili biss li jista’ jikkorrompi ruħu. Hawnhekk ukoll, mela, minkejja din l-assenza ovvja tal-ġisem maskili, dak li qiegħda tagħmel Meylak huwa li ssaħħaħ il-kostruzzjonijiet soċjali kontemporanji tal-maskulinità u l-femminilità. Kif tgħid Garb [1998: 11], is-soċjetà tħalli l-marka tagħha fuq il-ġisem, u timmodifikah skond kif tiħtieġ hi. Naturalment, id-diskors ta’ safa u ġmiel se jinkludi wkoll id-diskors reliġjuż. Fil-poeżija ta’ Meylak dawn iż-żewġ kwalitajiet jilħqu l-apiċi tagħhom fil-figura tal-Madonna. Din tagħti lill-poetessa lok ideali fejn tista’ tiċċelebra l-ġmiel femminili, għaliex minn tant kwalitajiet li kittieba oħrajn taw lill-Madonna, Meylak għażlet il-ġmiel bħala l-aktar importanti. Ġmiel il-Madonna jisboq il-ġmiel li l-poetessa rat fin-nisa l-oħrajn li ltqajna magħhom s’issa. F’Villa Meylak hemm numru ta’ poeżiji ddedikati lill-Madonna u fost dawn hemm disgħa dwar fjuriet differenti li l-ġmiel tagħhom jixxebbah ma’ dak tal-Madonna. Madankollu, filwaqt li n-nisa l-oħrajn huma deskritti b’ċertu dettall, il-fattizzi, il-karnaġġjon, ix-xagħar, l-għajnejn u l-forma tal-Madonna ma narawhom qatt; Meylak ma turihomna qatt. Li nistgħu ngħidu hu li m’hemm xejn u ħadd isbaħ minnha. Filwaqt li n-nisa l-oħra jidhru tant fiżiċi, tant imlaħħma, il-ġisem tal-Madonna jibqa’ moħbi anki f’dak il-waqt li suppost qegħdin narawh quddiemna. F’ “Is-Sinjura tal-Villa”, fil-fatt, Meylak tagħmilha ċara li lanqas biss se tipprova tagħtina ritratt ta’ din il-mara:

 

                Liema id se tfisser x’donnha,

                L-isfa tfajla, bint il-ġenna,

                Din ix-xbieha tal-Madonna?

 

L-isbaħ fost is-sbieħ ma nistgħux narawha, daqs li kieku ġisimha mhuwiex tal-laħam, m’għandux forma, m’għandux karatteristiċi – għandu biss sensiela ta’ effetti, fosthom li kulħadd jitgħaxxaq b’dan il-ġmiel, inkluż is-sema (“Ortensia” u “Kampanella”) u Alla (“Dalja”). U huwa permezz ta’ dawn l-effetti li Meylak tiddeskrivi l-ġmiel tal-Madonna mingħajr ma tlaħħmu.

  

Iż-żmien vs in-nisa

Anki għal Mary Meylak iż-żmien huwa l-ikbar għadu tal-bniedem. Madankollu, għal poetessa li fiha jispikka n-nuqqas ta’ niket u malinkonija, iż-żmien ma jittiħidx bħala l-ħabbar tal-mewt eventwali, daqskemm il-qirda tal-ġmiel fiżiku. Wara kollox, anki jekk il-ġmiel korporali huwa ċċelebrat, xorta jidher li hemm element ta’ vanità f’dan kollu, tant li, kif rajna, Meylak ukoll trid tgħatti s-sbuħija bl-għonnella. F’ “Facing a Mirror”, poeżija oħra merfugħa minn Songs You Will Like, il-poetessa tagħmel appell ieħor lin-nisa li xi darba kienu sbieħ: tħarsux aktar lejn il-mera. Dawn in-nisa li xi darba ċċelebratilhom ġmielhom, issa, propju fl-għatba tax-xjuħija, il-poetessa titħassarhom għaliex il-ġmiel dbiel. Il-wardiet jisparixxu, il-laħam isir pallidu, l-għajnejn jidħlu fil-ħofra u dik il-ħeġġa ta’ dari tonqos. In-nisa li jħarsu lejn il-mera u ‘jiddislokaw ruħhom’  mix-xbieha li tħares lejhom (Sobchack 2006: 103) issa jiksbu s-simpatija tal-poetessa hekk kif tarahom jillottaw għall-impossibbli.

Katrin, fil-poeżija “Tliet Ritratti ta’ Ħajja” (Album) kienet, bħal kull mara oħra li tikteb dwarha Meylak, mara sabiħa b’ “wiċċ ta’ tuffieħa”. Ġanni, żewġha, bħalma titlob in-norma ta’ l-isterjotip, kien “f’saħħtu qisu għoqda”. Illum, xjieħu t-tnejn – mhux biss xagħarhom bjad imma wiċċhom sar “boroż”, u fejn qabel ħarsu lejn xulxin b’ammirazzjoni issa jagħtu “ ’l xulxin ħarsa ta’ ħniena”. “Tliet Ritratti ta’ Ħajja” hija poeżija ta’ disfemiżmu, fejn id-deskrizzjoni tax-xjuħija hija ddettaljata daqs kull deskrizzjoni tal-ġmiel li tagħti Meylak:

 

                Dak il-ħin, imkerċha, imħattba,

                Nanntu tqum togħrok wirikha,

                Ġanni jqum skuxxat xejn b’anqas

                Jaqbad f’idha ħa jwiżinha.

 

                Minn ġol-but tal-fardal tagħha,

                Katarin tatu maktur,

                Qaltlu: “Xxotta xufftejk naqra

                Għax il-lgħab magħhom idur.

 

                [...]

                “Mur u ġib mehries ħa nisħqu,

                Il-qubbajt farrku ġulġlien!”

                Qaltlu hi: “Ftakar li aħna,

                Ħalqna mar u t-tnejn bla snien!”

 

Id-deskrizzjoni tal-kruha, tad-deterjorament fiżiku, ixxaqleb lejn il-grottesk, anki jekk l-għan ta’ Meylak hu li toħloq tbissima u simpatija lejn koppja li xjaħet u baqgħet tinħabb. L-istess bħalma tagħmel fil-każ ta’ Peppi l-Grillu, Meylak ma toqgħodx lura milli tagħtina ritratt ta’ żewġ iġsma ‘koroh’; il-ħarsa tagħha lejn il-ġisem tixħetha anki jekk dan ikun ikrah, kif rajna wkoll f’ “Monument Ġorġ Meylak (Missieri)”. Dan isaħħaħ il-punt li l-ħarsa tagħha Meylak ma tixħethiex fuq is-sabiħ, iżda fuq il-ġisem: żagħżugħ, b’saħħtu, żnell, sbejjaħ imma wkoll xiħ, iddeterjorat, u ikrah.

  Jirriżulta li taħt il-libsa ta’ sempliċità li tikkaratterizza l-poeżija ta’ Meylak, jitqajmu punti li jikkontradixxu l-innoċenza tat-testi tagħha. L-ewwel nett hemm din il-ħarsa fissa lejn il-ġisem uman  li jingħata attenzjoni kbira u huwa ċċelebrat fil-ġmiel u anki fil-kruha tiegħu. Barra minn dan hemm ukoll id-dimensjoni politika li toħroġ minn dan il-ġisem, dimensjoni li tikxef tensjoni bejn it-tradizzjoni u l-isterjotip fuq naħa u d-devjazzjoni fuq oħra. In-nisa libsin l-għonnella, biżlin u ħawtiela, preokkupati b’surithom – hekk kif xtaqet u rrikmandat is-soċjetà (Orbach 1988: 30-31) – u n-nisa l-eroj li saħansitra jaqdu rwoli tradizzjonalment maskili.  

Hemm ukoll il-punt dwar liema forma ta’ mara Meylak għażlet biex tikteb dwarha. M’hemmx dubju li, filwaqt li n-nisa bl-għajnejn żoroq u b’xagħarhom imdieheb jimmarkaw devjazzjoni oħra ta’ Meylak mit-tradizzjoni Romantika, il-preferenza tagħha għax-xbieha Nordika hija l-effett tal-kolonjaliżmu, fejn l-ieħor dominanti jieħu dimensjoni u valur simboliku tant qawwi li l-kolonjalizzat jibda jidentifika miegħu u jinkorpora fih aspetti u kwalitajiet li ’l barra mill-istorja kolonjali tiegħu kienu jkunu totalment aljeni għalih(ara pereżempju Fusco 2001).

 L-inviżibilità (anki jekk mhux l-assenza totali) tal-ġisem maskili fil-poeżija ta’ Meylak tkompli tagħti x-xeħta xi ftit devjanti tal-poeżija tagħha: l-iġsma ta’ l-irġiel, f’dawk il-każi rari meta jiġu deskritti – huma jew ‘koroh’ (jew tad-daħq), inkella jidhru bħalma jidhru dejjem u l-poetessa qajla tagħtina dettalji dwarhom. Din l-inviżibilità tmiss ukoll lill-ġisem tal-poetessa nfisha. Id-deskrizzjoni li Meylak tagħti ta’ ġisimha fil-poeżija “Monument Mary Meylak” hija minima, anzi tgħid li tixbah lil missierha u ssemmi fatturi li semmiethom fil-poeżija dwaru. Mill-bqija ġisimha jibqa’ inviżibbli, bħal xiħadd li qiegħed josserva minn moħba. Fix-xebh tagħha ma’ missierha Meylak tieħu l-karatteristiċi ‘maskili’, jew aħjar karatterstiċi ‘mhux-femminili’: kuntrarju għan-nisa l-oħrajn Meylak ma tħarisx lejn il-mera, ma tinħasadx bis-sinjali taż-żmien fuq il-ġilda u lanqas titlef ħin tagħmel l-affarijiet “tan-nisa”. Fl-istess poeżija fejn ixxebbah lilha nfisha ma’ missierha, tkompli: “m’għandix moħħ niżżejjen, / jew nilgħab ma’ persunti, jew mal-libsa”. Il-poetessa tiddisassoċja ruħha mill-“femminilità” kif mifhuma soċjalment u tinħeba wara l-ħarsa tagħha, tiskorpora ruħha u ssir inviżibbli. Anki hawn nerġgħu nilmħu t-tensjoni tal-kontradizzjoni, il-għaliex filwaqt li tagħmel dan l-att devjanti, Meylak issaħħaħ l-attitudni tas-soċjetà patrijarkali li tħares lejn is-sess femminili bħala s-sess estetiku: huwa l-ġisem tal-mara li qiegħed hemm biex in-nies iħarsu lejh u mhux tar-raġel u, aktar minn hekk, hija l-identità tal-mara li l-aktar li tiddependi mid-dehra fiżika tagħha u mhux dik tar-raġel, bħallikieku l-ġisem tal-mara qiegħed għal-lest biex jiġi analizzat, skrutinizzat (Blood 2005: 101). Id-dettalji li Meylak tagħti ta’ l-iġsma tan-nisa (li wara kollox huma simili għal dawk li kitbu dwarhom il-poeti rġiel) huma frott il-ħarsa klandestina tal-poetessa moħbija wara l-għata li tagħmilha inviżibbli.

 

 

 

Referenzi

 

Bataille, Georges (1957) L’Erotisme, Pariġi: Les Editions de Minuit

 Blood, Sylvia K. (2005) Body Work: The Social Construction of Women’s Body Image, Londra u New York: Routledge

Boisgelin, Louis de, (1805) Ancient and Modern Malta, Londra: Richard Phillips

Brockman, Eric (1938) Maltese Memories, Londra: Rockliff Publishing Corporation Ltd (it-2ni edizzjoni 1944)

 _________________ (1961) Last Bastion: Sketches of the Maltese Islands, Londra: Darton, Longman & Todd Ltd

 Butler, Judith (1993) Bodies that Matter: On the Discursive Limits of ‘Sex’, Londra u New York: Routledge

Calbi, Maurizio (2005) Approximate Bodies: Gender and Power in Early Modern Drama and Anatomy, Londra u New York: Routledge

 Crossley, Nick (2001) The Social Body: Habit, Identity and Desire, Londra: Sage Publications

 De Lamartine, Alphonse (1839) Travels in the East, Including a Journey in the Holy Land, Edinburgu: William & Robert Chambers

 De Non, Domenique Vivant (1789) Travels in Sicily and Malta, Londra: GGJ & J Robinson

 Dziuban, Agata (2007) “Spirituality and the Body in Late Modernity”, Religion Compass 1(2007) 1-19

 Foucault, Michel (1975) Surveiller et Punir: Naissance de la Prison, Pariġi: Editions Gallimard

 _________________ (1976) La Volonté de Savoir, Pariġi: Editions Gallimard

 _________________ (1984i) L’Usage des Plaisirs, Pariġi: Editions Gallimard

 _________________ (1984ii) Le Souci de Soi, Pariġi: Editions Gallimard

 Fusco, Coco (2001) The Bodies That Were Not Ours and Other Writings, Londra u New York: Routledge

 Meylak Mary (1945) Pleġġ il-Hena, Malta: Lux Press

 _________________ (1947) Album, Malta: Lotus Press

 _________________ (1947) Dawra Misterjuża, Malta: Lotus Press

 _________________ (1947) Villa Meylak, Malta: Lotus Press

 _________________ (1971) Songs You Will Like, Malta: Veritas Press

 Mirzoeff, Nicholas (1995)  Bodyscape: Art, Modernity and the Ideal Figure, Londra u New York: Routledge

 Garb, Tamar (1998) Bodies of Modernity: Figure and Flesh in fin-de-siècle France, Londra: Thames & Hudson

 Kristeva, Julia (1987) Soleil Noir: Dépression et Mélancolie, Pariġi: Gallimard

 Orbach, Susie (1988) Fat is a Feminist Issue, Londra: Arrow Books (2ni edizzjoni)

 Sobchack Vivian (2006) “On Morphological Imagination” fi Flannagan Mary u Booth Austin (ed) re:skin, Massachusetts: Massachusetts Institute of Technology

 Tazi, Nadia (1989) ‘Celestial Bodies: a few steps on the way to heaven’, fi Fragments for a History of the Human Body, Part One,  editjat minn Michel Feher u Naddaff, Ramona u Tazi, Nadia, New York: Urzone Inc

 Williams, Michael A (1989) ‘Divine Image – Prison of Flesh: perceptions of the body in ancient Gnosticism’, fi Fragments for a History of the Human Body, Part One,  editjat minn Michel Feher u Naddaff, Ramona u Tazi, Nadia, New York: Urzone Inc

 

Il-Malti Nov 2007

LURA